Lokali

Bħal-lum 90 sena ilu twieled il-President Emeritu Guido de Marco

Bħal-lum 90 sena twieled fil-Belt Valletta l-Professur Guido de Marco, Eks President ta’ Malta, Eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Ministru għall-Ġustizzja u l-Intern u, aktar tard Ministru għall-Affarijiet Barranin, u Eks President tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti.

Guido de Marco twieled fit-22 ta’ Lulju 1931, ħa t-trobbija tiegħu għall-kenn tas-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Kien nisrani devot u mhux l-ewwel darba li kkombina r-reliġjon ma’ dati importanti f’ħajtu, bħalma għamel meta għażel propju l-festa tal-Madonna tal-Karmnu, is-16 ta’ Lulju 1990, biex ippreżenta l-applikazzjoni ta’ Malta biex issir membru tal-Unjoni Ewropea.

Fit-Tieni Gwerra Dinjija kienu marru bħala refuġjati l-ewwel Ħal Balzan u wara Ħal Lija. Kellu qrib għall-iskola peress li kien beda jattendi l-Kulleġġ San Alwiġi.

Ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament Malti fl-1966. Sfortunatament l-aħbar li ġie elett u b’mod tajjeb, ġiet ma’ aħbar oħra li żgur li ma kienx qed jobsorha, il-mewt ta’ missieru Emanuele.

Magħruf bħala oratur mill-aqwa u li bħala avukat (iggradwa 1955) iddefenda kemm-il darba d-drittijiet tal-bniedem li kienu qed jiġu mkażbra minn Gvern Soċjalista, kien fost dawk li ddefendew lill-Eks Ministru Sandy Cachia Zammit u Lawrence ħu l-Eks Ministru meta fil-bidu tas-sebgħinijiet dawn kienu tressqu l-Qorti b’mod li wara kien dikjarat li kien abbużiv. Fost l-akkużi kien hemm li Sandy ssekwestra dokumenti tal-Gvern u żammhom fid-dar ta’ ħuh fl-Imdina.

Jissemma wkoll għal meta ddefenda lil Pietru Pawl Busuttil li b’mod mill-aktar imwiegħer sar ‘frame-up’ fuqu biex jitfgħu ħtijiet ħaddieħor fuqu dwar każ gravi li ħalla bħala vittma liż-żagħżugħ Raymond Caruana.

Għallem il-liġi fl-Università ta’ Malta u l-ħafna studenti li għaddew minn taħtu kollha jgħidu kliem ta’ tifħir għalih f’dan il-qasam.

Kien ukoll strumentali fit-taħditiet li saru ma’ Mintoff wara l-elezzjoni ta’ Diċembru 1981 li tat ir-riżultat pervers fejn min-kejja li l-PN ġab il-maġġoranza assoluta tal-voti, ingħata tliet siġġijiet anqas fil-Parlament mill-MLP u għaldaqstant kontra r-rieda tal-maġġoranza kien hemm gvern immexxi mill-Partit Laburista. Kien żmien diffiċli u anki fil-PN kien hemm min ma kienx jaqbel mal-metodi u mat-tattiċi li kienu qed jintużaw.

Dwar il-perjodu li kien Presi-dent tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, waħda mill-ewwel affarijiet li għamel u li bosta kienu rawha bħala pass kuraġġuż u żgur mhux mistennija, kienet żjara uffiċjali fil-Palestina.

Fil-perjodu  li kien President ta’ Malta wkoll ġab lejh l-istima ta’ kulħadd u kien denn tabilħaqq tal-kariga li okkupa.

Hu ħalla din id-dinja fit-12 ta’ Awwissu 2010, fl-età ta’ 79 sena wara li sofra minn attakk tal-qalb waqt li kien fid-dar tiegħu stess.

Wieħed mill-aqwa  ċertifikati li ngħataw lil Guido de Marco  Papa Benedittu XVI f’telegramma mibgħuta mill-Vatikan fl-okkażjoni tal-funeral statali li sar  fis-16 ta’ Awwissu li kienet iffirmata mill-Kardinal Tarcisio Bertone, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan.

F’dan il-messaġġ, il-Papa kien ikkummenta li de Marco ta kontribut sinifikattiv mhux biss fuq livell intern ta’ pajjiżu Malta, iżda wkoll f’fora internazzjonali, b’mod partikolari fil-perjodu li okkupa l-kariga ta’ President  tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bejn l-1990 u l-1991.

Benedittu XVI kellu opportunitajiet jiltaqa’ personalment ma’ Guido, fost oħrajn waqt iż-żjara li għamel f’Malta f’April 2010. Fit-telegramma  kompla jik-kummenta li hu għandu stima lejn de Marco għax mhux biss iddistingwa ruħu fis-servizz politiku fix-xena Maltija, iżda dejjem kien xhud tal-fidi fi Kristu fit-twettiq tal-politika. Issokta jgħid li ħafna minn dawk involuti fil-politika jagħmlu tajjeb jekk jadottawh bħala ta’ eżempju għalihom.