Internazzjonali

Covid-19: Iċ-Ċina tiċħad il-pjan tal-WHO għat-tieni fażi tal-investitgazzjoni għall-oriġini tal-virus

Iċ-Ċina ċaħdet it-termini proposti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex tkompli u żżid l-investigazzjonijiet dwar l-oriġini tal-pandemija tal-Covid-19.

Id-Direttur-Ġenerali tal-WHO ,Tedros Adhanom Ghebreyesus , sejjaħ biex iċ-Ċina tikkoopera aktar f’dak li jirrigwarda informazzjoni dwar il-fażi inizjali tal-Covid-19 u biex l-investigazzjoni tikkonċentra aktar fuq il-laboratorji f’dak il-pajjiż.

Madankollu ċ-Ċina qed tidher determinata li tinsisti bil-pożizzjoni attwali, bil-Viċi-Ministru tas-Saħħa Ċiniż Zeng Yixin, isostni li l-proposti tal-WHO qed juru ‘disrispett għas-sens komun flimkien ma’ arroganza lejn ix-xjenza’.

Il-Gvern Ċiniż, fl-istess ħin, qed jgħid li l-pjan tal-WHO hu ‘politiċizzat’ u li ċ-Ċina ma tistax taċċettah.

Din is-sena, il-WHO setgħet tibgħat biss skwadra ta’ esperti lejn Wuhan – il-belt Ċiniża fejn il-coronavirus kien feġġ għall-ewwel darba f’Diċembru tal-2019.

L-investigaturi tal-organizzazzjoni intant ikkonkludew li mhux probabbli l-Covid-19 seta’ ‘joħroġ minn laboratorju’, iżda ħafna osservaturi barranin – inkluż xjenzati – huma ferm xettiċi dwar din il-konklużjoni.

Dan waqt li persistiet it-teorija li l-coronavirus jista’ hu prodott ta’ esperimenti fuq arma bioloġika għalkemm sallum ma ħareġ xejn assolutament konkret li jsostni din it-teorija.

Aktar kmieni dan ix-xahar, Tedros kien fassal it-termini ta’ tieni fażi proposta tal-investigazzjoni tal-WHO, li suppost tinkludi l-audits (evalwazzjonijiet) tal-istituzzjonijiet għal riċerka xjentifika fiz-zona taċ-Ċina fejn feġġ il-virus għall-ewwel darba.

Tedros ħeġġeġ biex Beijing ikun miftuħ u trasparenti waqt li jikkoopera mal-investigazzjonijeit Hu saħaq ukoll, intant, biex l-investigaturi jipprovdu data oriġinali li ma ħarġitx waqt l-ewwel investigazzjoni

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Zeng, waqt konferenza tal-aħbarijiet, qal li qed iħossu ‘ferm sorpriż’ bil-proposta tal-WHO għaliex f’dan il-każ qed jifhem li l-proposta qed tikkonċentra fuq allegati abbużi tal-protokolli għal-laboratorji fiċ-Ċina.