Internazzjonali

Ġermanja-Stati Uniti: Ftehim dwar il-pipeline tal-gass kontroversjali

 

L-Istati Uniti qalet li laħqet ftehim mal-Ġermanja biex tevita sitwazzjoni fejn ir-Russja tuża l-pipeline tal-gass bl-isem ‘Nord Stream 2’ bħala ‘mezz għal rikatt politiku’ fil-konfront tal-Ewropa.

Il-pipeline, li għaddej taħt il-Baħar Baltiku hu kważi komplut u jkopri mal-1,230 kilometru. Permezz tiegħu l-esportazzjoni tal-gass lejn il-Ġermanja għandha tkun id-doppju tal-gass li qed ikun esportat mir-Russja lejn dan il-pajjiż.

Victoria Nuland, waħda mill-uffiċjali tal-Istati Uniti, qalet li dan hu ‘pipeline ħażin’, iżda insistiet li l-ftehim jesiġi s-sanzjonijiet kontra Moska f’każ li t-Tmexxija tar-Russja tipprova tirrikatta lill-Ukrajna.

Fl-istess ħin kelliema għall-Gvern Ukren fi Kiev qalu li l-pipeline ‘Nord Stream 2’ qed jhedded is-sigurtà tal-Ukrajna.

Il-pajjiż ilu mill-2014 jiġġieled kontra s-separatisti appoġġjati mir-Russja li okkupaw iz-zoni lejn il-lvant tal-Ukrajna. Dan wara li r-Russja, fl-2014, ħatfet il-penisola tal-Krimea lill-Ukrajna u għaqqditha mat-territorji tagħha.

Fl-istess ħin, l-Ukrajna qed tinkwieta dwar ‘invażjoni fuq skala kbira mill-qawwiet tar-Russja’ ladarba l-pipeline ‘Nord Stream 2’ ikun qed jiffunzjona bis-sħiħ.

Il-Polonja wkoll qed topponi l-pipeline – li jġebbed (taħt il-baħar) minn Vyborg, fir-Russja, sa Lubmin fil-Ġermanja. Dan waqt li l-Pollakki qed jgħidu li l-proġett, li jiswa mal-10 biljun dollaru, qed jhedded is-sigurtà taz-zoni ċentrali u lejn il-lvant tal-Ewropa.