Internazzjonali

Ġermanja: Tħeġġeġ aktar azzjoni kontra l-global warming

 

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, enfasizzat il-ħtieġa li l-Ewropa u d-dinja ‘iħaffu u jintensifikaw’ il-ġlieda kontra l-bidliet fil-klima (global warming) meta ċ-ċifra tal-mejtin mill-aħħar inċidenzi ta’ għagħar devastanti f’pajjiżha issa qabżet il-180.

Merkel, li se tirtira minn Kanċillier wara l-elezzjonijiet ġenerali ta’ Settembru, qalet li l-Ġermanja u pajjiżi oħra ‘ma għamlux biżżejjed’ biex jilħqu l-miri mfasslin mill-Ftehim ‘ta’ Pariġi’ għall-Klima li kien intlaħaq xi snin ilu u li jesiġi biex il-global warming jinżamm ma’ limitu ta’ 1.5 gradi Celsius.

Il-Kanċillier enfasizzat li l-Ġermanja mhix biss l-uniku pajjiż li ma żammx mal-limitu u li ħafna pajjiżi madwar id-dinja jridu jammettu li ‘ma għamlux il-parti tagħhom’. Għaldaqsant hi enfasizzat il-ħtieġa li l-pajjiżi jagħtu priorità akbar lill-impenji biex il-klima tad-dinja ma tasalx sa punt ‘inkontrollabbli’.

Dan wara li Merkel – li fl-aħħar jiem żaret lir-residenti tal-ibnadi ( fil-Ġermanja) li ntlaqtu l-agħar mill-maltemp u l-għargħar — wissiet kemm-il darba dwar it-theddida għad-dinja mill-global warming li qed jintroduċi xejriet tat-temp mill-aktar estremi u anki ‘storiċi’ għall-Ewropa u l-kumplament tad-dinja.