Lokali

“Ħassejt li l-kontribut tiegħi għandu jkun fil-PN” – Chris Peregin

“Ħallejt kollox warajja u ġejt mal-Partit Nazzjonalista biex ngħin fl-istrateġija tal-kampanja elettorali” – Hekk saħaq l-eks Kap Eżekuttiv ta’ Lovin Malta, Chris Peregin f’intervista ma’ netnews.com.mt. Tkellimna ma’ Chris Peregin, ftit tal-jiem qabel ma jibda bil-ħidma tiegħu fil-PN, wara li kien ilu mill-2016 jaħdem mal-kumpanija Lovin Malta li kien ħoloq hu stess. Hu se jkun qed jingħaqad mal-PN wara li wieġeb għas-sejħa tal-Kap tal-PN Bernard Grech meta kien saħaq li l-partit hu miftuħ għal kull min irid jgħin.

Chris Peregin stqarr li din “kienet deċiżjoni diffiċli ħafna imma kont qed nara l-pajjiżi f’sitwazzjoni fejn bdejt nibża li s-sitwazzjoni politka se tkun agħar milli diġa hi. Diġa hu ħażin fejn għandek partit li ilu 10 snin dejjem iżid il-maġġoranza fejn anke xogħlna l-ġurnalisti qas jista’ jkollu impatt għax m’hemmx bilanċ bejn gvern u oppożizzjoni. Sitwazzjoni fejn il-gvern isir arroganti, jagħmel li jrid hu u ma jismax. Ħassejt li avolja domt ħafna snin nikkritika l-gvern, l-oppożizzjoni u l-partiti, kien wasal iż-żmien biex nagħti l-kontribut tiegħi u ħassejt li l-kontribut tiegħi għandu jkun fil-PN.”

Chris Peregin spjega li hu qatt ma ssaportja partit jew ieħor iżda stqarr li issa jrid jagħti shemu u jħoss li jista’ jagħti kontribut f’mument fejn il-partit għandu bżonn il-kontribut ta’ kull min hu ta’ rieda tajba biex pajjiżna jerġa’ jibda jikseb ir-reputazzjoni tajba li kellu fil-passat, “biex nibnu paġna ġdida u nagħmlu xi haġa aħjar għandna bżonn l-ewwel nagħmlu xi haġa tajba u aħjar mill-PN.”

Chris Peregin stqarr li l-PN, għandu ħafna x’joffri u hu jrid  jgħin billi jagħti l-ideat tiegħu biex bl-għajnuna ta’ kulħadd tinħoloq viżjoni strateġika u nnovattiva. “Jien ġejt b’mod umli, ma ġejtx biex niddetta jew nisforza xi haġa, ġejt biex ngħin, naħdem u nipprova insib front komuni biex il-partit li dejjem kien ta’ suċċess jerġa’ jagħmel l-istess. Noħolqu front komuni bejn nies differenti u noħolqu viżjoni li tolqot lil kulħadd. Nispera li l-kontribut tiegħi jservi biex nagħmlu dan.”

Matul din l-intervista, Chris Peregin wassal l-appel tiegħu lil kull min irid jersaq lejn il-PN u jgħin biex ikollna pajjiż aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin. Hu saħaq li “l-partit għandu bżonn lil kulħadd, l-ideat ta’ kulħadd huma importanti u rridu nsibu mod kif inħabtu l-ideat u niddiskutu, għaliex din hija parti integrali mill-politka.” Chris Peregin stqarr li “l-partit huwa miftuħ għal ideat differenti” fejn ħeġġeg lil kulħadd biex jekk irridu nibnu gvern ġdid u jkollna għazla meta mmorru nivvutaw hemm bżonn li kulħadd jagħti l-kontribut tiegħu. “L-importanti hu li naħdmu flimkien bħala team wieħed, naħdmu ma xulxin b’viżjoni ċara u nagħqdu dan il-partit kbir u ta’ suċċess biex nerġgħu jkollna dak is-suċċess fil-futur.”