“Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem fuq proposti konkreti biex jaċċerta li jsaħħaħ ir-raba’ pilastru tad-demokrazija” – Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin li saret fid-Dar Ċentrali.
Bernard Grech faħħar il-ħidma tal-ġurnalisti fejn saħaq li dan l-irwol tant importanti jistħoqlu ħafna rispett. Hu stqarr li fi ħdan il-clusters, il-PN qed jaħdem fuq proposti li direttament jolqtu lill-ġurnalisti. Kien hawnhekk fejn il-Kap tal-PN stieden lill-IĠM biex jippreżenta lista ta’ proposti li jixtiequ jkunu implimentati biex il-PN jkun jista’ jiddiskuti u jinkludi fil-politka tiegħu.
Min naħa tiegħu l-President tal-IĠM, Matthew Xuereb saħaq li xogħol l-istitut huwa li jipproteġi lill-ġurnalisti. Xuereb, li kien akkumpanjat minn membri tal-Kunsill tal-IĠM tkellem dwar numru ta’ kwistjonijiet li xtaqt li jiġu diskussi waqt din il-laqgħa.
Filfatt, l-IĠM iddiskuta l-għotja ta’ darba li l-Gvern ta lill-kumpaniji tal-media waqt il-pandemija, fejn qalu li jixtiequ li din l-għotja tibqa’ tingħata kull sena sabiex l-ħaddiema fil-qasam tal-media u l-ġurnaliżmu jibqgħu jkunu sostnuti. L-IĠM spjegaw li l-Gvern ma jidhirx li jrid li din l-għotja tingħata filwaqt li Bernard Grech spjega li l-PN jaqbel b’mod sħiħ li l-media għandha tingħata aktar għjanuna finanzjarja.
Waqt din il-laqgħa, il-President tal-IĠM spjega li nbeda proċess biex l-Istitut isir Union. Huwa tkellem ukoll dwar it-taħriġ li joffri l-IĠM lill-ġurnalisti. Kienet diskussa wkoll il-pożizzjoni tal-partit dwar il-liġi tal-iSLAPP, liġi li kemm l-IĠM u anke l-PN qed isegwu mill-qrib.
Matthew Xuereb tkellem ukoll dwar il-proposta tal-IĠM biex jieħu kontroll tal-ħruġ ta’ ‘Press Cards’ għall-ġurnalisti, li jkunu rikonoxxuti madwar id-dinja kollha u mhux biss f’attivitajiet tal-awtoritajiet Maltin. Jakkumpanjaw lill-Kap tal-PN waqt din il-laqgħa kien hemm id-Deputat Joe Ellis u l-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Emma Portelli Bonnici. Preżenti mill-Kunsill tal-IĠM, flimkien mal-President kien hemm Mario Schiavone, Kurt Sansone u Christine Amaira.
//= $special ?>