Lokali

Inawgurat restawr fil-Konkatidral ta’ San Ġwann

L-Erbgħa filgħaxija, il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann inawgurat ir-restawr estensiv tal-oratorju u l-ftuħ tal-‘Caravaggio Wing’, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Din l-inawgurazzjoni ġiet preżentata mill-Arċisqof Charles J Scicluna u l-President tal-Fondazzjoni Monsinjur Emmanuel Agius.

Il-President tal-Fondazzjoni qal li f’Awwissu 2020 il-Kunsill tal-Fondazzjoni beda jaħdem fuq proġett ambizzjuż biex jirrestawra u jikkonserva l-oratorju u d-dekorazzjoni Barokka tiegħu, is-soffit u l-pitturi tal-ġnub, kif ukoll iż-żewġ kwadri li jinstabu maġenb il-pittura tal-Caravaggio, ‘Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann’.

Il-proġett ambizzjuż tar-restawr tal-oratorju jikkonsisti fi iskultura ndurata fil-ġebla tal-arkata u s-saqaf, kif ukoll il-pitturi li jinstabu fl-istess arkata, xogħolijiet maħduma bit-teknika biż-żebgħa taż-żejt fuq il-ġebla, dawn jirrapreżentaw ixxeni taI-‘Agunija ta’ Kristu fil-Ġnien tal-Ġetsemani’ u ‘Kristu Marbut mal-Kolonna’.

Cynthia de Giorgio, il-Kap Eżekuttiv u Kuratriċi irrimarkat li din l-okkażjoni hija waħda storika u sinifikattiva. Dan għaliex tlettax-il pittura ta’ Mattia Preti ġew irrestawrati flimkien mal-induratura tas-saqaf tal-injam. Il-pittura ta’ Caravaggio ‘Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista’ ġiet imdawla b’sistema ġdida ta’ dawl LED, li se telimina ħsarat ikkawżati mis-sħana u l-UV li qabel ġie emess bid-dawl magħmul mill-halogen.

De Giorgio saħqet ukoll li l-pittura ta’ ‘San Ġilormu Jikteb’ ġiet mogħtija l-ispazju li jixirqilha kif xi darba kienet iżżejjen il-ħitan tal-palazz ta’ Fra’ Ippolito Malaspina. Iżda wara mewtu fl-1624 hu ħalla din il-pittura lill-Kappella tal-Italja, fejn issa se tkun esebita fil-Caravaggio Wing. Hija sostniet illi dan huwa tiġdid tal-patrimonju kulturali tal-Ordni ta’ San Ġwann.