Kunsilli Lokali Lokali

Jappellaw biex il-ħlasijiet fil-Kunsilli jsiru b’mezzi elettroniċi

L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali (AKL) fi stqarrija tat ir-reazzjoni tagħha għal dak li seħħ ilbieraħ fil-Kunsill Lokali tan-Naxxar. Dan meta resident mar iħallas taħrika ta’ citazzjoni f’denominazzjoni ta’ ċentenżmu tal-Ewro. U meta raw dan, il-ħaddiema tal-Kunsill irrifjutaw li jieħdu l-pagament. 

Filwaqt li wieħed jista’ jargumenta li ladarba ċentenżmu tal-Ewro huwa munita approvata fiċ-ċirkulazzjoni mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, irid jintwera wkoll rispett lejn il-ħaddiema u l-amministrattiv tal-Kunsilli Lokali, li ġurnata wara oħra, jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jagħtu l-aħjar servizz lir-residenti.

L-Assoċjazzjoni fakkret ukoll fid-diffikultajiet kbar li għandhom il-Kunsilli Lokali sabiex jiddepożitaw il-munti mal-banek lokali, b’ impożizzjoni ta’ miżuri minn żmien għall- ieħor mill-istess banek.

Għaldaqstant l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali filwaqt li talbet rispett sħiħ lejn il-ħaddiema u l-membri eletti tal-Kunsilli Lokali, appellat lill-pubbliku sabiex fejn jista’ u fejn hu possibli jagħmel użu minn mezzi elettronici sabiex jagħmel il-ħlasijiet dovuti minnu.

L-AKL ikkundannat bla ebda riservi d-diskors dispreġġattiv li ntuża’ fil-konfront tal-istess ħaddiema.