Lokali

L-IMF jitkellmu dwar l-isfidi ewlenin ta’ Malta fosthom fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

Rapport dwar Malta maħruġ mill-International Monetary Fund (IMF) jgħid li l-kriżi tal-COVID-19 laqtet l-ekonomija Maltija b’mod qawwi, b’mod partikolari s-settur turistiku, Pandemija li ħalliet numru ta’ konsegwenzi. L-IMF saħqu li minkejja li l-awtoritajiet ħadu azzjonijiet biex jappoġġjaw lill-familji u n-negozji, l-inċertezza tibqa’ waħda ta’ livell għoli.

L-IMF jitkellmu wkoll dwar is-sistema tas-saħħa f’pajjiżna fejn jgħidu li bit-tnedija mgħaġġla tal-vaċċin, l-ekonomija reġgħet infetħet għall-istaġun turistiku tas-sajf, fejn jgħidu li l-ekonomija tista’ tibda tirkupra matul din is-sena għalkemm is-sitwazzjoni preżenti tal-Coronavirus f’Malta għadha qed toħloq inċertezza.

Fir-rapport tagħhom l-IMF jgħidu fost l-isfidi ewlenin li għandu pajjiżna hemm l-indirizzar ta’ nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll jitkellmu dwar il-bżonn ta’ riformi strutturali biex tissaħħaħ ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-ekonomija.

L-IMF komplew jispjegaw ukoll li l-pandemija tal-COVID-19 laqtet l-ekonomija Maltija b’mod qawwi fejn jgħidu li l-wasliet tat-turisti naqas drastikament għal taħt il-25 fil-mija meta mqabbel maż-żmien ta’ qabel il-Coronavirus. Riżultat ta’ dan il-GDP ta’ pajjiżna naqas b’aktar minn 7% fl-2020, li jfisser l-agħar fl-aħħar snin.