Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea mhix lesta tinnegozja ftehim ġdid għall-Irlanda ta’ Fuq

L-Unjoni Ewropea ma tilfitx żmien biex tiċħad id-domanda tar-Renju Unit għall-bidliet sinifikanti fil-ftehim li jirregola kummerċ ‘ta’ wara Brexit’ li jinvolvi lill-Irlanda ta’ Fuq.

Il-protokoll tal-Irlanda ta’ Fuq kien parti mill-ftehim ta’ Brexit li kien appoġġjat mill-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson u li fl-aħħarnett issiġġilla ‘id-divorzju’ tar-Renju Unit mill-Unjoni, erba’ snin wara li l-votanti Britanniċi kienu vvutaw biex joħorġu mill-grupp ta’ Stati Ewropej.

Intant, in-negozji fl-Irlanda ta’ Fuq qed jinsistu li l-protokoll qiegħed jaffettwa ħażin lill-kummerċ – bil-gruppi lokali favur l-għaqda mar-Renju Unit jilmentaw dwar ‘tnaqqis tar-rabtiet mar-Renju Unit’ fiċ-ċirkustanzi.

Il-Ministru Britanniku għal Brexit, David Frost, qal, intant, li l-affarijiet ma jistgħux ikomplu hekk u li Londra qed tfittex ‘il-bilanċ’ fil-protokoll. Frost anki insista li r-Renju Unit għandu d-dritt ‘unilaterali’ li ma jirrispettax xi aspetti tal-ftehim partikulari.

Madankollu, il-Viċi-President tal-Kummissjoni, Maros Sefcovic, għamilha ċara li l-protokoll ma jistax jitfassal mill-ġdid waqt li fakkar li l-Prim Ministru Johnson u Frost kienu għenu biex jikkonkluduh wara sensiela ta’ negozjati diffiċli.

Sefcovic lanqas mhu jħalli spazju għal negozjati u insista dwar l-importanza li ‘il-partijiet interessati kollha jirrispettaw l-obbligi internazzjonali legali tal-protokoll’.

Sadanittant, il-protokoll jeħtieġ ukoll li jaċċerta l-paċi fl-Irlanda ta’ Fuq li saret possibbli bil-ftehim storiku tal-1998 għall-provinċja li kien sponsorjat mill-Istati Uniti. Dan waqt li tinżamm fruntiera miftuħa mingħajr ma jinfetaħ ‘bieb ieħor’ – permezz tar-Repubblika Irlandiża ( membru tal-UE) – li tippermetti aċċess għas-suq ewlieni tal-Unjoni fejn qed jgħixu mal-450 miljuni.

Il-ftehim għal Brexit essenzjalment jirrikjedi l-kontrolli għat-trasport ta’ prodotti bejn it-territorji Britanniċi u l-Irlanda ta’ Fuq li tibqa’ parti miz-zona doganali tal-UE. Is-sitwazzjoni, intant, qed toħloq il-problemi għall-kumpaniji minbarra li qed tqanqal l-għadab tal-unionists Irlandiżi li huma determinati li l-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ tifforma parti mir-Renju Unit.