Internazzjonali Kurżitajiet

Ristorant fl-Ingilterra meqjus bħala l-aqwa fid-dinja

Ristorant li jinsab fil-Lake District fl-Ingilterra huwa meqjus bħala l-aqwa fid-dinja, u dan skont is-sit TripAdvisor. The Old Stamp House f’Ambleside rċieva il-premju Annwali tal-Għażla tal-Vjaġġaturi tal-websajt, u għeleb lil stabbilimenti minn Franza, l-Italja, il-Ġappun, il-Messiku u l-Brażil.

Huwa ġie magħżul fil-kategorija tal-Aqwa mill-Aqwa ristoranti tal-ikel fejn dan jispeċjaliżża fil-‘fine dining’ u l-premju huwa deċiż minn espert li janalizza l-miljuni ta’ reviżjonijiet u opinjonijiet miġbura mill-websajt fi 12-il xahar. L-Old Stamp House jinsab f’dak li kien uffiċċju ta’ William Wordsworth, li għal xi żmien kien poeta u distributur tal-Bolli ta’ Westmorland. Kien nfetaħ fl-2014 u huwa mmexxi mill-aħwa Ryan u Craig Blackburn.

Ir-ristorant jinsab f’waħda mid-destinazzjonijiet turistiċi l-aktar popolari f’Ambleside Il-Old Stamp House għeleb negozji minn madwar id-dinja, inklużi l-ġar tiegħu f’Lake District L’Enclume, li spiċċa fit-18-il post. Huwa jesa biss 28 persuna.

Il-menu tar-restorant li jinsab f’Church Street huwa ispirat mill-wirt Cumbrian (Cumbria), u jġib il-prodotti tiegħu minn bdiewa lokali, sajjieda u produtturi oħra. L’hekk imsejjħa ‘The Travellers’ Choice’ jingħataw wara li jiġu annaliżżati kummenti li jitħallew mill-membri tal-pubbliku, li jirrikonoxxu l-aqwa destinazzjonijiet, lukandi, esperjenzi u bajjiet fost affarijiet oħra.

It-tramuntana tal-Ingilterra kienet rebbieħa wkoll fil-kategorija tal-Parks Nazzjonali, fejn kemm il-Yorkshire Dales kif ukoll il-Peak District poġġew fl-ewwel 25 post.