Coronavirus Lokali

Studenti pożittivi għall-Covid mistennija jirritornaw lejn pajjiżhom

Grupp ta’ studenti li huma pożittivi għall-Covid-19 se jmorru lura lejn pajjiżhom permezz ta’ titjira apposta. Il-vjaġġ minn Malta għall-Franza se jkun qed jikkonsisti f’madwar 128 student.

It-Times of Malta qalet li kelliem għall-MTA kkonferma li kważi 200 student kienu diġà  ripatrijati f’żewġ titjiriet it-Tnejn u t-Tlieta. Dawn kollha rriżultaw negattiv għall-virus għalkemm uħud kienu fi kwarantina.

L-istess kelliem qal li dawk l-istudenti li huma pożittivi biss se jkunu qed jittieħdu lura fuq ajruplan apposta għalihom biss. L-istudenti se jittieħdu permezz ta’ vjaġġ minn ASL Airlines.

Minn informazzjoni li kiseb dan l-istazzjon jidher li t-Tnejn li għadda kien hemm vjaġġ lejn Ruma ta’ studenti li kienu rriżultaw nagattiv, hekk kif din l-aħbar kienet anki rrappurtata fil-midja Taljana. Apparti dan kien hemm ukoll vjaġġ ieħor ta’ studenti lejn Frankurt, lejn Pariġi u Madrid.

Huwa mifhum li aktar minn 500 student li kienu qed jistudjaw l-Ingliż f’pajjiżna rriżultaw pożittiv għall-Coronavirus. Filfatt, 1 minn kull 4 każi ta’ COVID-19 f’pajjiżna bħalissa huwa ta’ studenti li ġew f’pajjiżna biex jistudjaw l-Ingliż.

Intant l-Erbgħa, numru ta’ studenti li kienu qed jistudjaw l-Ingliż u li spiċċaw fi kwarantina, tellgħu diversi banners mal-lukanda fejn qed joqogħdu bħala protesta sabiex ikunu jistgħu jirritornaw lejn pajjiżhom.  Dawn l-istudenti ġew f’pajjiżna biex jistudjaw l-Ingliż iżda spiċċaw kwarantina jew ittestjaw pożittiv għall-COVID-19, bil-Gvern fl-aħħar jiem għamel u-turn fid-deċiżjoni inizjali li kien ħa.