Futbol Sport

Olimpjadi – Futbol: Telfiet għall-Ġermanja u Franza, Spanja miżmuma mill-Eġittu

(Ritratt: EPA)

Fl-ewwel partiti mill-futbol tal-irġiel fl-Olimpjadi spikkat ir-rebħa konvinċenti ta’ 4-2 mill-Brażil fuq il-Ġermanja. L-eroj għall-Brażil kien l-attakkant ta’ Everton Richarlison li skorja hat-trick fl-ewwel nofsiegħa tal-partita. Il-Ġermanja naqsu l-iskor b’gowl minn Nadiem Amiri u Ragnar Ache biex fil-ħin mogħti żejjed kien Paulinho li għamilhom 4-2.

Franza sofrew telfa kbira ta’ 4-1 kontra l-Messiku. Ernesto Vega, Francisco Cordova, Carlos Antuna u Eduardo Aguirre skorjaw għall-Messiku filwaqt li l-player veteran Andre-Pierre Gignac naqqa l-iskor għal Franza permezz ta’ penalty.

F’partita oħra, Spanja kienu miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls mill-Eġittu. Minkejja li Spanja sejjħu bosta players li waslu sas-semifinali tal-Euro 2020, it-tim Spanjol xorta waħda ma rnexxielux jiskorja.

Riżultati: Messiku v Franza 4-1, Ġappun v Afrika t’Isfel 1-0, New Zealand v Korea t’Isfel 1-0, Honduras v Rumanija 0-1, Eġittu v Spanja 0-0, Arġentina v Awstralja 0-2, Kosta tal-Ivorju v Arabja Sawdita 2-1, Brażil v Ġermanja 4-2