Lokali Qorti

Tkompli l-kumpilazzjoni dwar il-qtil f’Għawdex ta’ Eġizzjan b’aktar provi minn naħa tal-Pulizija

Meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-Qorti ta’ Għawdex quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fil-każ tas-Serb Aleksandar Stojanovic (ritratt) ta’ 43 sena, li qed iwieġeb mhux ħati li qatel lill-Eġizzjan Walid Salah Abdel Motaleb Mohamed ta’ 42 sena komplew jinstemgħu aktar provi fejn xehedu aktar Pulizija, li b’xi mod kienu nvoluti fl-investigazzjoni.

Waqt dawn il-provi komplew jissemmew aktar persuni li għadhom suspettati li allegatament kellhom rabta mal-każ u li iżda ma jistgħux jissemmew fuq ordni tal-Qorti. Uħud minn dawn huma dealers tal-karozzi u li jista’ jkun li huma nvoluti fid-droga. Fil-fatt wieħed minn dawn il-kummerċjanti tal-karozzi bħalissa għaddej proċeduri fuq id-droga u reati oħra f’Malta.

Is-Supretendent Antonello Grech kien l-ewwel xhud li qal li fil-15 ta ‘Jannar 2018 huwa ġie infurmat li kien hemm qtil li kien seħħ dak il-jum. Huwa kien jaf li l-vittma kien Walid, x’aktarx għax kien jiffirma fl-Għassa, jew jista’ jkun għax mhux ċert peress li kien ikun ta’ spiss fl-għassa tal-Pulizija.

Kif għamlet kważi max-xhieda kollha, l-Avukat Francesca Zarb li flimkien mal-Avukat Franco Debono qegħdin jidhru għall-akkużat, hija għamlet diversi mistoqsijiet lix-xhieda. Dwar jekk il-vittma kienx jaf li kien qed jiġi investigat, ix-xhud qal li huwa kien magħruf għar-reati tad-droga u l-vjolenza domestika. Dwar meta nqatel ix-xhud qal li l-vittma kellu toqba taħt id-driegħ tal-lemin tiegħu. Il-karozza tiegħu nstabet fir-Rabat, Għawdex u huwa kien mar għand martu biex jikkonferma li kien hu l-vittma.

Grech qal li ma kienx preżenti meta tniżżlu l-filmati tas-CCTV imma rahom. Mill-karozza suspettata, deheret persuna toħroġ minnha. “Huwa simili ħafna għas-suspettat preżenti hawn, imma mhiniex ċert fejn żgur li għandi bżonn nara r-ritratti mill-ġdid”, qal is-Supretendent.

Kompla li s-suspettat deher joħroġ mill-karozza u jagħtiha l-fjuwil. “Kien hemm ħabib tal-vittma li qalilna li kien qed ikellem lir-Russu. Dan kien barrani”. Għaliex irrefera għalih hekk?, huwa ġie mistoqsi, mkinħabba li kien barrani mhux għax kien Russu, probabbli hekk ħasbu, qal is-Supretendent.

Xehed ukoll is-Supretendent Fabian Fleri li qal li kien hemm raġel li mar Transport Malta biex jirreġistra vettura barranija. Madankollu kien hemm ‘hit’ fis-sistema minħabba l-fatt li l-vettura kienet mfittxija b’konnessjoni mal-omiċidju.

“Instab dan ir-raġel, u aħna ksibna mandat ta ’arrest u infurmajnieh dwar id-drittijiet tiegħu u hu kien lest li jikkoopera mal-Pulizija”. Il-vettura kienet diġà rmunkata mit-Transport Malta u spiċċat f’għalqa f’Ħal Balzan. Kienet BMW u ġiet fotografata fuq il-post. Għand min instabet kien tkellem mal-Avukat David Camilleri.

Ix-xhud kompla jgħid li fil-bidu tas-sena kellu kawża l-Qorti ma’ persuna oħra u tah din il-vettura bħala parti mid-dejn li kellu miegħu. Huwa żammha f’garaxx wara li ngħatat lilu f’Jannar 2018. Ma kellux dokumenti u lanqas pjanċi.
Huwa sab liċenzja antika u magħha rnexxielu jikseb logbook mir-Renju Unit wara li applika għaliha. Huwa kien biddel il-bonett, id-dwal ta’ wara u l-indicators u saħansitra rnexxielu jintraċċa r-reklam oriġinali.

Dan kien tkellem ma’ avukat. Wara l-konfront, persuna oħra, li bħal oħrajn li ma jistgħux jissemmew fuq ordni tal-Qorti, li huwa car dealer kien xtara l-vettura, mingħand persuna Rumena u l-vettura kellha pjanċi Rumeni.
Il-vettura kienet għall-bejgħ għax kien ra riklam fuq Malta Park. Il-bidliet li saru fuq il-BMW kienu kożmetiċi. Sadanittant, qal ix-xhud ir-Rumen kien raġel mibni sew.

Xehed is-Surġent Kevin Curmi Major Crimes Unit li qal li persuna kien qed jipprova jirreġistra l-BMW u kien hemm twissija. Wara Keith Cutajar espert fl-inkjesta maġisterjali qal li saret estrazzjoni ta’ żewġ telefowns ċellulari u ġabar dejta minn fornituri ta’ servizzi.

Huma kienu protetti bil-pin u għalhekk hu ġie ordnat biex jitlob awtorizzazzjoni biex jinfetaħ. L-eks Kuntistabbli Duncan Dimech qal li kien stazzjonat is-CID u fil-15 ta’ Jannar 2018 kien hemm raġel u ismu Walid ħdejn il-Kappella ta’ San Dimitri fl-Għarb

Is-Supretendent Keith Arnaud speċifika ż-żona u dar it-toroq. Huwa ma rax il-filmati tas-CCTV. Neil Camilleri l-Editur tal-ġurnal The Malta Independent ipprezenta kopji ta’ artikli tal-ġurnal u format tal-karta stampata. L -Ispettur Paul Camilleri, assenjat fid- Dipartiment tal – Forensika qal li kien il-persuna li ħa tagħmir għall-post fix-xena tar-reat f’Għawdex. Huwa ħa l-vann li kien mimli provvisti forensiċi inklużi boroż kollha provi fuq il-post tad-delitt. Il-kumpilazzjoni tkompli għada l-Ġimgħa, 23 ta’ Lulju.