Coronavirus Lokali Saħħa Turiżmu

TURIŻMU: Ministru differenti… l-istess froġa

Għat-tieni sajf, pajjiżna qed jerġa’ jiffaċċja pandemija. Filwaqt li l-Ministru għat-turiżmu inbidel, għal darb’oħra il-Gvern Malti reġa’ għaffiġha fejn tidħol l-istrateġija għat-turiżmu.

Sostna dan il-ġurnal The Malta Independent fejn fl-editorjal fakkar kif is-sena li għaddiet, il-Ministru Julia Farrugia Portelli kellha l-famużi mechanisms u din is-sena, il-Ministru Clayton Bartolo ħareġ vouchers u inċentivi għal gruppi ta’ turisti partikolari, ewlenin fosthom l-istudenti tal-Ingliż.

Fiż-żewġ każi, il-Gvern falla kompletament fil-mira tiegħu li jiftaħ l-istaġun turistiku b’mod sigur hekk kif minn 20, il-każi attivi splodew għal iktar minn 2,000 f’temp ta’ tliet ġimgħat.

L-Editorjal staqsa kif il-Gvern inċentiva b’vouchers ta’ €300 ewro biex jattira l-istudenti tal-Ingliż meta hu fatt magħruf li ħafna minnhom huma minorenni mhux imlaqqmin u li jorqdu f’akkomodazzjoni komuni. Bit-tixrid tal-virus f’dawn iċ-ċirkostanzi ikun prattikament garantit.

Li segwa imbagħad kien sensiela ta’ u-turns bil-Gvern jagħlaq l-iskejjel tal-Ingliż u jipprojbixxi d-dħul għal vjaġġaturi li m’humiex imlaqqmin biex imbagħad kellu jerġa’ lura minn din id-deċiżjoni.

L-Editorjal tenna li għal darb’oħra, il-poplu Malti se jkollu jiffaċċja l-konsegwenzi ta’ strateġija turistika inferjuri li ma sabitx bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.

Jistaqsi għaliex ma kienx hemm enfasi fuq il-kawtela. Filwaqt li vera li kien ikun hemm tnaqqis fin-numru ta’ turisti li jiġu Malta… iżda ftit turiżmu hu aħjar minn ebda turiżmu. Għax dak hu li qed nirriskjaw fid-dawl tas-sitwazzjoni kaotika fiż-żieda fil-każi attivi u r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar, itemm l-editorjal.