Internazzjonali

Wara l-massakru ta’ 10 snin ilu…Breivik għadu jemmen fl-ideali estremisti

Issa biddel ismu, iżda xorta għadu jemmen fil-prinċipji ta' Hitler

Kien eżatt bħallum għaxar snin ilu meta d-dinja kollha inħasdet bil-qtil ta’ 69 student, li sfaw vittmi ta’ sparatura f’xeni li kienu qishom tal-films – bl-“attur” prinċipali jkun Anders Breivik.

Il-massakru tat-22 ta’ Lulju 2011 f’Utoya jibqa’ ittimbrat f’moħħ kulħadd. U dik li kellha tkun ġurnata sajfija normali, inbidlet f’jum ta’ dulur għal diversi familji Norveġiżi li tilfu lill-għeżież tagħhom.

Breivik qatt ma nidem minn dak li għamel. Anzi, kollox qed jindika li dawn is-snin li diġa’ qatta fil-ħabs komplew issudawh fl-ideoloġiji estremisti li jħaddan.

Il-Qorti kienet ikkundannatu 21 sena ħabs. U issa li wasal f’nofs din is-sentenza, għamel talba biex jinħeles – dan skont dak li tippermetti l-liġi Norveġiża. Iżda din it-talba qed issib reżistenza qawwija.

Breivik qed jinżamm fil-ħabs ta’ Skien, f’sigurtà massima u f’iżolament. Għalkemm dan l-iżolament ifisser tliet ċelel għalih waħdu, set tat-televiżjoni, DVD, kompjuter mingħajr internet, apparat tal-gym u anke playstation. Minkejja dan, xorta igerger ħafna fuq l-ikel u fuq il-frieket tal-plastik li juża biex jiekol.

Jidher li kemm ilu f’dan il-ħabs Breivik qed juża isem ġdid: Fjotulf Hansen. Dan filwaqt li hu għadu jemmen b’konvinzjoni sħiħa fil-prinċipji li ħaddan mill-kitba ta’ Adolf Hitler.