Ekonomija Lokali Xjenza u Teknoloġija

Epic tiftaħ ħanut ġdid f’Buġibba

It-8 ħanut lokali ta’ Epic u l-ewwel wieħed fit-Tramuntana ta’ Malta

Epic għadha kemm fetħet ħanut ġdid f’Buġibba. Dan huwa s-26 ħanut ta’ Epic fl-Ewropa, it-tmien ħanut lokali għall-kumpanija tat-telekomunikazzjoni bl-itwal esperjenza f’Malta, u l-ewwel wieħed li sab ruħu fit-Tramuntana tal-gżira Maltija.

“L-għan ta’ Epic huwa li tipprovdi lill-konsumaturi tagħha b’network eċċellenti flimkien ma’ valur eċċellenti. Għalhekk qed naħdmu biex dejjem inressqu s-servizzi tagħna aktar viċin tal-konsumaturi tagħna f’Malta. Dan il-ħanut ġdid f’Buġibba qed iservi għal dan il-għan. L-investiment f’dan il-ħanut ġdid imur id f’id mal-programm kbir ta’ investiment fis-servizzi broadband u l-programm ta’ mmodernizzar tal-mobile network tagħna li flimkien se jtejbu l-kopertura, il-veloċità u s-servizzi tal-5G għal aktar minn 250,000 abbonat,” qal Tamás Bányai, il-Kap Eżekuttiv ta’ Epic waqt żjara fil-ħanut li saret nhar il-Ġimgħa.

Flimkien mas-Sur Bányai kien hemm ukoll il-Kap Kummerċjali ta’ Epic, Marcel Grech Malli li spjega li, “dan il-ħanut il-ġdid, huwa t-tieni ħanut lokali li għandu sezzjoni ddedikata għan-negozji li huma klijenti ta’ Epic, bħalma hemm fil-ħanut ta’ Epic li jinsab f’Birkirkara.” Hu kompla jispjega kif dan il-ħanut il-ġdid huwa l-ewwel wieħed li qed juża d-disinn internazzjonali ta’ Epic, li jinsab ukoll preżenti f’Ċipru. Apparti minn hekk, it-timijiet lokali ħadmu mat-tim globali tad-ditta ta’ Epic biex jassiguraw li l-esperjenza tal-klijent f’ħanut lokali tkun ugwali għal dik ta’ barra. Intant, kien hemm ukoll żieda fl-użu ta’ attrezzar diġitali biex jitnaqqas l-użu ta’ karti u biex l-esperjenza tal-klijent tkun dejjem waħda eċċellenti b’operat li jirrispetta l-ambjent.

Fid-dawl ta’ dan il-ftuħ riċenti, dawk li qed jgħixu fiż-żona ta’ Buġibba kellhom ukoll l-opportunità li jibbenefikaw mill-offerti speċjali ta’ Epic għal din l-okkażjoni.

Matul din is-sena, Epic tinsab għaddejja bi vjaġġ eċitanti fejn qed toħloq esperjenza superjuri għan-network tagħha. Epic temmen li konnettività b’saħħita li hija disponibbli għal kulħadd hija fundamentali għall-kompetittività u t-tkabbir tal-pajjiż. Għal din r-raġuni, nediet fis-suq lokali l-prodott magħruf bħala Epic Fibre f’April li għadda. Dan qed joffri download speeds sa massimu ta’ 2000 Mbps, kemm fid-djar kif ukoll fin-negozji. Intant, Epic qed taħdem ukoll fuq l-immodernizzar tal-mobile network tagħha, fejn riċentament ħabbret li Ericsson intagħżlet bħala l-fornitur tal-5G radio access network (RAN). Bħala parti minn il-partnership, Epic se tkun qed tuża t-teknoloġija avvanzata ta’ Ericsson biex timmodernizza l-mobile network kurrenti tagħha.