Internazzjonali

Etjopja: Possibbiltà ta’ kriżi umanitarja oħra

Add New Post

Save draftPreviewSchedule…Add titl

Il-battalja ta’ xhur għall-kontroll tal-Istat ta’ Tigray, lejn it-Tramuntana tal-Etjopja, issa qed taffettwa lir-reġjun ta’ Afar, li jmiss mat-territorju ta’ Tigray, fost l-inkwiet dwar kriżi umanitarja li tista’ qed tiżviluppa malajr.

Dan fost rapporti kontinwi ta’ ċivili maqtula u għexieren ta’ eluf ta’ refuġjati, biz-zona tinsab għaddejja minn ‘mewġa ta’ atroċitajiet’.

Diversi residenti ta’ Afar qalu li l-ġellieda mal-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu ta’ Tigray (TPLF) kienu qed joqtlu liċ-ċivili fl-aħħar jiem. Intant, l-akkuża għad trid tkun verifikata minn sorsi indipendenti.

Jidher ukoll li fl-aħħar jiem seħħew ħafna attakki mill-ajru fuq il-pożizzjonijiet tat-TPLF fl-artijiet ta’ Afar.

It- TPLF ilu l-aħħar xhur jiġġieled kontra l-Armata tal-Etjopja u l-alleati tagħha f’Afar, fost rapporti li l-ġellieda tat-TPLF irnexxielhom jaħtfu l-kontroll fi tliet distretti tar-reġjun fi spazju ta’ ġimgħa waħda biss.

Sadanittant, l-attivisti f’Afar qed jippruvaw jiġbdu l-attenzjoni dwar ħtieġa ‘iddisprata’ għall-ikel, l-ilma u mezzi li jipprovdu kenn għal ċivili waqt sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

It-TPLF kien il-Gvern reġjonali ta’ Tigray sakemm il-qawwiet federali qaċċtuh minn hemm f’Novembru li għadda. L-istess TPLF qed jissejjaħ ‘grupp terroristiku’ mill-Gvern Etjopjan, iżda l-ġellieda tal-grupp jinsistu li huma ‘il-Gvern leġittimu’ ta’ Tigray.