Lokali

Galdes ifaħħar lill-Ministru tat-Turiżmu – Herrera jfarfar fuq Fearne

Il-Ministri fil-Kabinett ta’ Robert Abela jidhru li jinsabu kuntenti bis-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna, tant li meta mistoqsija biex iwieġbu min se jerfa’ r-responsabbiltà ta’ ċerti deċiżjonijiet li bl-aktar mod ċar setgħu ttieħdu aħjar matul l-aħħar xahar u nofs – fid-dawl taż-żieda fil-każi f’pajjiżna – għal darb’oħra, intilfu f’attakk partiġġjan u mhux biss.

Dan wara li NET News staqsa lill-Ministri Roderick Galdes u Josè Herrera dwar din iż-żieda sostanzjali ta’ każi kawża ta’ deċiżjonijiet żbaljati u u-turns – partikolarment fi ħdan il-Ministeru tat-Turiżmu mmexxi minn Clayton Bartolo – b’Roderick Galdes insista li l-Gvern Laburista għamel dak kollu li seta’.

Hekk kif din is-sitwazzjoni qed tkun deskritta minn ħafna bħala mera ta’ dak li seħħ bħal dan iż-żmien sena ilu – b’deċiżjonijiet dubjużi li ttieħdu mill-Ministru tat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien Julia Farrugia Portelli – mistoqsi jekk din id-darba, hux se jittieħdu passi, Galdes insista li għandu fiduċja sħiħa fil-Ministru Clayton Bartolo.

Dan minkejja li l-każi ġodda ta’ Covid-19 f’pajjiżna għadhom qed jiżdiedu b’insistenza, b’aktar minn 1,300 każ f’temp ta’ sebat ijiem – l-ogħla żieda fl-aħħar erba’ xhur – iżda skont hu, dawn in-numri huma mera tal-bilanċ li mexa bih il-Gvern ta’ Robert Abela.

Sadanittant, mistoqsi minn NET News dwar x’għandu x’jgħid lill-artisti u lil dawk kollha li b’xi mod għandhom x’jaqsmu mal-industrija tal-arti u d-divertiment, il-Ministru Herrera għażel  li jattakkahom u saħaq li jagħmel x’jagħmel, se jiġi kkritikat.

Filwaqt li membri f’dan il-qasam qed isostnu li l-kunfidenza tagħhom kulma tmur qed tonqsilhom, bil-persuni tekniċi f’din l-industrija qed ifittxu impjiegi oħrajn f’setturi differenti – u jitbegħdu lill hinn mis-settur – Herrera wieġeb li kull pass ħadu b’kawtela.

Dan fid-dawl li din l-industrija nżamment magħluqa ankè meta l-każi kienu baxxi … b’rappreżentanti tas-settur jisħqu li jinsabu ferm konfużi għax futurhom hu inċert, issa li l-każi għal darb’oħra żdiedu, u pajjiżna spiċċa fuq il-lista l-ħamsa tal-ECDC.

Iżda minflok serħilhom rashom, Herrera farfar kull responsabbiltà fuq il-Ministru tas-Saħħa … f’nifs wieħed qal li l-pandemija f’pajjiżna tinsab taħt kontroll u f’nifs ieħor li m’għandux idea x’se jiġri.