“Qed inħossu li biex l-investigazzjonijiet jitjiebu, jagħmel aktar sens tinħoloq taskforce ta’ persuni u entitajiet oħrajn reletati mar-reat tat-traffikar tal-persuni, per eżempju id-DIER fuq l-impjiegi, għaliex jista’ jirriżultalhom li m’hemmx traffikar iżda jirriżultaw li hemm ksur fil-liġijiet tax-xogħol, flimkien mal-Avukat Ġenerali għall-pariri legali u Identity Malta li tipproċessa l-permessi fost entitajiet oħra. It-traffikar sar ir-reat li evolva u aħna rridu naġġustaw ruħna biex inkunu kompetettivi u effiċjenti fl-invesitgazzjonijiet tagħna.”
Saħaq dan l-Assistent Kummissarju Dennis Theuma, li kien wieħed mill-kelliema f’Konferenza li nżammet f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan fil-Jum Dinji kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, bit-tema “Tislima lil dawk li jagħtu l-Ewwel Għajnuna”.
Theuma enfasizza li l-assistenza minn entitajiet oħrajn hi meħtieġa biex tissaħħaħ l-effiċjenza tal-investigazzjoni tar-reat, filwaqt li spjega xogħol l-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji f’każi bħal dawn.
“Jista’ jkollna informazzjoni li per eżempju f’xi ħanut tal-massaġġi jew f’xi flat, qed issir esplojtazzjoni ta’ natura sesswali, normalment, ta’ persuni. Aħna ma naqbdux immorru hemm nħabbtu ovvjament. Xogħlna nagħmlu l-investigazzjoni tagħna biex nippruvaw nivverifikaw jekk dik l-informazzjoni hijiex veritiera jew le. Xi kultant tkun veritiera u xi kultant jkun hemm min irid iħammeġ lil terzi persuni allura rridu noqogħdu ħafna attent li ma niġux użati.”
Kelliema oħra fil-konferenza kienet Carla Camilleri, Avukat fi ħdan il-Fondazzjoni Aditus, li talbet għall-bidla fil-mod kif jinħarġu l-permessi tax-xogħol għax dan hu kkontrollat esklussivament minn min iħaddem, bil-ħaddiem qajla jkun involut.
“Irid jinbidel il-metodu ta’ kif jinħarġu dawn il-permessi. Per eżempju jistgħu jinħarġu permessi ġenerali biex tkun tista’ taħdem Malta għal sena u mbagħad tista’ tibdel l-impjieg jekk tiġi sfruttat per eżempju.”
Dawn il-kontrolli qed ixekklu lill-vittma milli jirrapporta, bil-konsegwenza li malli dan jispiċċa bla dokumenti, ikun aktar diffiċli għall-għaqdiet bħall-Aditus biex jinterċettawhom.
“Peress li hemm ħafna stigma, peress li huma jibżgħu ħafna mill-awtoritajiet, jibżgħu li jiġu deportati għaliex forsi m’għandhomx il-permessi. Huwa diffiċli ħafna. Naħseb din hija aktar materja li nqajjmu kuxjenza għall-vittmi u n-nies li jaħdmu magħhom.”
Għaqdiet bħall-Aditus jiltaqgħu ma’ ħafna każi matul is-sena, kemm mal-400 vittma li jfittxu l-ażil, kif ukoll oħrajn li jiġu ttraffikati, li huma aktar diffiċli tidentifikaw minħabba l-biża’. Minn sena għall-oħra jiġu ‘l quddiem 2/3 vittmi għall-għajnuna, uħud minnhom jibqgħu jerġgħu jiġu għaliex il-problemi jibqgħu jippersistu.
Il-konferenza kienet organizzata mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, li laqqgħet flimkien għadd ta’ kelliema, fosthom id-Dipartiment tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali, kif ukoll l-Aġenzija tar-Refuġjati fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, li huma fuq quddiemnett fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.
//= $special ?>