Lokali

“Il-poplu Malti ma jistax ikun il-vittma tal-arroganza tal-Prim Ministru” – Bernard Grech

Il-Kap tal-PN iwiegħed li jerġa' jpoġġi lil Malta fuq il-Lista l-Bajda fi żmien 3 xhur

“Ma rridx nara lil isem pajjiżi jibqa’ mtappan b’dan kollu, għax aħna lkoll ħaqqna ħafna aħjar minn hekk.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fi stqarrija ppubblikata fuq il-midja soċjali ta’ Facebook fejn b’reazzjoni għall-fatt li r-Renju Unit poġġa lil Malta fil-lista ‘high risk‘ fejn jidħol ħasil ta’ flus, huwa sostna li l-business as usual tal-Prim Ministru Robert Abela mhux jaħdem.

Bernard Grech stqarr li l-kontinwità li tant saħaq fuqha Robert Abela qed tissaraf f’impjiegi f’riskju wara li diversi kumpaniji, fid-dawl ta’ dan kollu, qed jikkunsidraw iċaqilqu l-investimenti minn Malta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li l-poplu Malti u Għawdxi ma jistax ikun il-vittma tal-arroganza u s-suppervja ta’ Prim Ministru li akkost ta’ kollox irid jibqa’ jagħmel ta’ rasu biss.

Dan filwaqt li wiegħed li Gvern immexxi minnu jerġa’ jpoġġi lil Malta fuq il-Lista l-Bajda fi żmien 3 xhur.

Għaldaqstant Bernard Grech stieden lil kull ċittadin Malti u Għawdxi sabiex jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista – id-dar naturali u l-vuċi tal-ħafna li fil-fond ta’ qalbhom iridu jgħollu isem pajjiżna u jiksbu mill-ġdid ir-reputazzjoni li tixraqlu.