Edukazzjoni Lokali

Il-Proġett Nwara estiż f’Birżebbuġa

Il-Malta Trust Foundation bi proġett ta' counselling fost l-istudenti vulnerabbli fl-iskejjel

Il-Malta Trust Foundation estendiet il-Proġett Nwara għall-Iskola Primarja ta’ Birżebbuġa bl-għan li tipprovdi servizzi essenzjali ta’ counselling lil studenti vulnerabbli bl-appoġġ finanzjarju mill-Malta Freeport Terminals u mill-Korporazzjoni tal-Port Ħieles.

Sa mit-tnedija tal-proġett fl-2017, Nwara kien ta’ sostenn psiko-soċjali lil aktar minn 500 tifel u tifla fl-Iskejjel Primarji tal-Qawra u San Pawl il-Baħar, kif ukoll l-Iskola Medja tan-Naxxar, b’counsillors permanenti ffinanzjati kompletament minn entitajiet privati.

Il-President tal-Fondazzjoni, il-President Emeritus ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, esprimiet is-sodisfazzjon kbir tagħha li tara lill-istudenti jsiru aktar reżiljenti b’din l-inizjattiva, filwaqt li l-Kap tal-Iskola, Jean-Pierre Micallef, saħaq li l-proġett hu essenzjali biex jiżgura li kull student jingħata edukazzjoni f’ambjent sigur u b’imħabba.

Mit-Terminal tal-Port Ħieles tkellem il-Kap Eżekuttiv, Alex Montebello, li saħaq kif inhuma kommessi li jkunu ta’ sostenn għall-komunità ta’ Birżebbuġa u għalhekk jaħsbu li l-Proġett Nwara se jġib bidla tanġibbli fl-iżvilupp u fil-benesseri tal-istudenti.

Il-proġett kien ta’ benefiċċju għall-aktar minn 1,500 student u familja onlajn waqt il-pandemija u anke ħadem mal-istaff tal-iskejjel biex isawwru lill-istudenti bl-għarfien u bit-taħriġ meħtieġ ħalli jaffaċċaw l-isfidi tal-ħajja, fosthom f’teħid aħjar tad-deċiżjonijiet li jġibulhom bidla għall-aħjar fl-attitudni tagħhom.