Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea tibqa’ soda dwar protokoll ta’ wara Brexit


Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ma laħqux ftehim għal tibdil fl-arranġamenti ta’ wara Brexit li jikkonċernaw lill-Irlanda ta’ Fuq. Dan minkejja li l-Gvern ta’ Londra qed jinsisti li l-kundizzjonijiet attwali mhumiex sostenibbli.  

Il-protokoll għall-Irlanda ta’ Fuq ilu l-jiem iqajjem diżgwid ġdid bejn Londra u Brussell, b’Johnson u von der Leyen jiddiskutu s-suġġerimenti tal-Britanniċi għall-bidliet f’dan il-protokoll. Madankollu, von der Leyen issa qalet li l-UE mgħandhiex ‘tinnegozja mill-ġdid’ il-ftehim oriġinali, minkejja li Johnson baqa’ jinsisti li l-protokoll ma jistax jitħalla kif inhu.

Il-Prim Ministru Britanniku , waqt telefonata, anki ħeġġeġ lill-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, biex tikkunsidra ‘bidliet sinifikanti’ għall-protokoll li Londra u Brussell kienu ftehmu dwaru fl-2019 bħala parti mill-Brexit withdrawal agreement. Il-protokoll, fost oħrajn, jesiġi biex l-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ fis-suq komuni tal-Unjoni Ewropea ( għall-moviment ta’ prodotti) minkejja li tifforma parti mir-Renju Unit.