Wara li ġew posposti s-sajf li għadda minħabba l-pandemija tal-Covid-19, mil-lum jingħat bidu għall-Olimpjadi f’Tokjo, Olimpjadi mtappna mill-pandemija tal-Covid-19 u anke minn għadd ta’ riżenji ta’ uffiċjali organizzattivi.
Ħafna mill-avvenimenti se jkunu qed isiru wara bibien magħluqa minħabba n-numru ta’ ristrezzjonijiet li hemm fis-seħħ biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm każijiet ta’ coronavirus, minkejja li bosta atleti u diriġenti diġa bdew jirriżultaw pożittivi mal-wasla tagħhom f’Tokjo. Il-belt ta’ Tokjo kienet magħżula li tospita daw il-logħob fl-2013 u din se tkun it-tieni darba għal din il-belt li se tospita l-Olimpjadi wara li għamlet dan fl-1964 biex b’hekk se ssir l-ewwel belt Asjatika li se tospita l-Olimpjadi darbtejn.
F’dawn il-logħob se jiddebuttaw numru ta’ dixxiplini sportivi fosthom l-basketball 3×3, l-freestyle BMX, karate, surfing u skateboarding. F’dawn l-Olimpjadi se jkun qed jirritornaw ukoll id-dixxilpini tal-madison cycling, baseball u softball.
Matul din is-sena kien hemm bosta persuni li appellaw biex l-Olimpjadi jiġu kkanċellati minħabba l-pandemija tal-Covid-19 hekk kif is-sitwazzjoni fil-belt ta’ Tokjo m’hijiex l-aktar waħda ideali. Il-posponiment tal-Olimpjadi sewa aktar minn $5.8 biljuni filwaqt li kieku l-Olimpjadi kienu kkanċellati kienu jiswew $41.5 biljuni.
L-istadium prinċipali, fejn kienu saru l-ewwel Olimpjadi li nżammu f’Tokjo ġie rinovat fi stadium ta’ 80,000 persuna minkejja li sfortunament mhux se jkun qed jospita l-ebda partitarji. B’kollox se jkun 33 post fejn se jospitaw id-dixxiplini differenti fl-Olimpjadi.
F’din l-edizzjoni se jispikka n-nuqqas tal-kontinġent Russu hekk kif fl-2019 ir-Russja kienet sospiża għal erba’ snin wara li l-Gvern tar-Russja nstab ħati ta’ manipulazzjoni ta’ testijiet tad-doping mill-WADA. B’hekk l-atleti Russi li se jipparteċipaw f’dawn l-Olimpjadi se jkunu qed jikkompetu bħala atleti newtrali.
Intant, Malta wkoll se tkun qed tikkompeti f’dawn l-Olimpjadi permezz ta’ sitt atleti li se jkunu qed jieħdu sehem f’ħames dixxiplini differenti; Matthew Abela (Badminton), Eleanor Bezzina (Air Pistol), Yazmin Zammit Stevens (Weightlifting), Sasha Gatt u Andrew Chetcuti (Għawm) u Carla Scicluna (Atletika).
//= $special ?>