Festi Knisja Kultura Lokali Mużika

Premiere tal-Oratorju ‘Divo Petro’ fil-Katidral tal-Imdina

Sabiex tfakkar it-tielet deċennju mit-twaqqif tagħha, is-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990, se ttellgħa l-Premiere tal-Oratorju Mużikali Sagru u Korali ‘Divo Petro’.

Dan l-Oratorju, li ġie kkummissjonat lis-Surmast Ray Sciberras fuq versi tal-Poeta Sebastian Saliba, b’riċerka u b’referenza bibblika ta’ John Saliba, se jittella’ fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl tal-Imdina għada s-Sibt 24 ta’ Lulju 2021 taħt il-Patroċinju Distint tal-President ta’ Malta, George Vella, u s-Sinjura Vella.

Il-Banda Birżebbuġa se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha Mro Michael Bugelli li wkoll qed jiċċelebra t-tletin sena tiegħu fit-tmexxija tal-banda.

Flimkien mal-Banda se jieħdu ssehem it-Tenur Charles Vincenti, il-Baritonu Louis Cassar u l-Alto Pamela Bezzina. Se jieħdu sehem ukoll il-Kor ‘Mirabitur’ taħt it-tmexxija ta’ Mro Mario Attard; il-Kor ‘Xmun Pietru’ taħt id-direzzjoni ta’ Mro Christopher Bonnici u s-Sinjura Marouska Bonnici; u l-Kor tat-tfal ‘Harmonic Ensemble Children’s Choir’ taħt it-tmexxija ta’ Mro Ritienne Azzopardi u Mro Joseph Chircop.

Kulħadd mitlub ikun f’postu fit-08:15pm sabiex jingħata bidu għall-Oratorju fit-08:30pm. bil-permessi sħaħ rilaxxati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.