Lokali Qorti

Raġel akkużat li abbuża sesswalment minn tifla ta’ 9 snin

Jinżamm arrestat wara li allegatament abbuża minn neputija tar-rispett.

Raġel miż-Żurrieq inżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo akkużat li abbuża sesswalment lil tifla ta’ 9 snin, li tiġi minnu – waqt li suppost kien qiegħed jieħu ħsiebha.

Ir-raġel ta’ 42 sena, li l-identità tiegħu ma tistax tkun magħrufa bil-għan li tiġi protetta l-identità tal-vittma, kien akkużat li abbuża mit-tifla tal-inqas tlett darbiet.

Filwaqt li r-raġel ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih u talab għal ħelsien mill-arrest, fix-xhieda tagħha l-mara tiegħu, li tiġi n-nanna tal-vittma, saħqet li t-tifla qatt ma wriet li kienet tibża’ tqatta’ ħin waħedha mal-akkużat. Madanakollu spjegat li kienet żaret psikoloġista flimkien magħha, bl-esperta tisħaq li jaf għaddhiet minn xi trawma.

Intant il-prosekuzzjoni, li qed titmexxa mill-Ispettur Joseph Busuttil, oġġezzjona li r-raġel jingħata l-libertà proviżorja minħabba l-periklu li l-akkużat jista’ jbgħabas mal-evidenza u ankè minħabba l-fatt li l-verżjoni tal-vittma għadha ma nstemghetx fil-Qorti.

Filwaqt li kellu t-talba ta’ ħelsien mill-arrest miċħuda, jekk eventwalment jinstab ħati r-raġel jista’ jħabbat wiċċu ma’ sentenza massima ta’ 7 snin priġunerija. L-Ispettur Joseph Busuttil, akkużah li wettaq atti sesswali mhux kunsenswali fuq minuri.

L-avukati Michael Sciriha u Matthew Xuereb dehru bħala avukati difensivi tal-akkużat.