Lokali

Se jaqdfu 1,000km b’risq il-fondazzjoni Inspire

Dorian, Albert, Mark u Steve huma erba’ kayakers li se jkunu qed jaqdfu minn Malta għal Sqallija fil-kayak tagħhom biex jinġabru fondi b’riżq l-Inspire.

L-erba’ qaddiefa se jkunu qed jaqdfu bejn iż-żewġ gżejjer, b’Dorian u Albert imbagħad se jkomplu jduru port port madwar il-gżira Sicula. Fil-fatt, huma mistennija jagħmlu 25 ġurnata jduru mal-gżira Taljana.

Ma’ netnews.com.mt, John Bartolo, mill-Fondazzjoni Inspire, spjega aktar dwar din l-attività. Huwa qal li din hija attività li ssir kull send u li din is-sena se tkun qed issir biex jinġabru fondi għal din il-fondazzjoni

Il-fondi miġbura mistennija jintużaw biex jinxtara apparat li jintuża’ mill-Inspire, li taħdem biex tinkludi fis-soċjetà lil persuni b‘diżabbiltajiet varji.

Mistoqsi fhiex se jintużaw il-fondi li mistennija jinġabru minn Kayak for Charity, Bartolo spjega li Fondazzjoni bħall-Inspire ikollha spejjeż kbar regolari, iżda wkoll spejjeż ta’ apparat li jinqalgħu minn żmien għal żmien … bħal pereżempju dan l-aħħar inkiser siġġu speċjali li jintuża’ biex iniżżel persuni b’diżabbiltà fil-pool.

Kayak for Charity tibda kmieni s-Sibt filgħodu, bil-qaddiefa mistennija jaqdfu b’kollox madwar 1,000 kilometru.