Sport Waterpolo

Telfa għal Sirens li tista’ tikkundannahom għall-Ewwel Diviżjoni … Otters jiksbu l-ewwel rebħa

Rapport: Stewart Said

SAN ĠILJAN MERCURY……. 18

SIRENS MECCA MARIN……. 6

(6-2), (2-2), (5-1), (5-1)

Rebħa li tista’ ma tfisser xejn partikolari għal San Ġiljan Mercury Towers ħlief li spiċċaw il-grupp tagħhom b’punti massimi. Iżda dan ir-riżultat jista’ jkun li jfisser ħafna għad-destin ta’ Sirens Mecca Marin f’dan l-istaġun. Jekk Valletta jirbħu għada kontra Marsaxlokk, Sirens ikunu kkundannati li jilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni wara ammont kbir ta’ snin.

Bidu tipiku ta’ San Ġiljan, hekk kif irnexxielhom jibnu vantaġġ ta’ erba’ gowls. Wara li Jerome Zerafa Gregory wieġeb għall-ewwel gowl ta’ Matthew Zammit, il-Ġiljaniżi marru 4-1 b’gowls ta’ Dino, Darren u Matthew Zammit. Ken Erodgan naqqas id-distakk iżda l-captain Ġiljaniż u Jake Bonavia kabbru l-vantaġġ għal 6-2.

Sa dak il-ħin kollox deher faċli, iżda l-Ġiljaniżi naqqsu l-livell ta’ logħob u ppermettew lil Sirens jidħlu fil-logħba b’gowls ta’ Ken Erdogan u Isaiah Riolo. It-tim ta’ Dorian Pisani reġa’ żied fil-logħob u permezz ta’ gowls minn azzjonijiet kollettivi, kabbru l-vantaġġ għal 8-4. Sabu x-xibka Dino Zammit u Dominique Zahra.

Iċ-champions aċċertaw mir-rebħa fit-tielet sessjoni. L-iskor kiber għal 11-4 u wara li Matthew Sciberras naqqas id-distakk, Mattias Ortoleva u Andreas Galea għamluhom 13-5. Bir-riżultat deċiż, l-aħħar sessjoni kien il-ħin li xi plejers jilagħbu aktar mis-soltu.

San Ġiljan: J. Tanti, D. Zahra (1), A. Galea (3), D. Fero, R. Caruana (1), M. Zammit (3), B. Plumpton (2), J. Bonavia (1), D. Ciantar, Da. Zammit (1), K. Galea, Di. Zammit (5), G. Vassallo, M. Ortoleva (1), D. Tully

Sirens: G. Galea Curmi, M. Grech, K. Erdogan (2), J. Sciberras, J. Zerafa Gregory (1), L. Falzon, M. Sciberras (2), I. Riolo (1), J. Napier, G. Melillo, L. Caruana, M. Azzopardi, M. Bonello Dupuis, T. Said, L. Grech Carr

Referees: Massimo Angileri, Alex De Raffaele

TA’ XBIEX AMIGOS…………. 2

OTTERS NIVEA……………….. 5

(2-0), (0-2), (0-3), (0-0)

Minkejja li d-destin tagħhom it-tnejn hu magħruf li se jkomplu fl-Ewwel Diviżjoni, Otters Nivea kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun f’konfront dirett. Minħabba li ż-żewġ timijiet se jkomplu fl-istess diviżjoni, din ir-rebħa tgħodd għal Otters fl-Ewwel Diviżjoni. Doppjetta ta’ Kieyan Borg fl-ewwel sessjoni tat vantaġġ doppju lil Ta’ Xbiex. Otters irkupraw fit-tieni sessjoni u permezz ta’ Marc Lanzon u Karl Scicluna ġabu d-draw.

Otters bdew jikkontrollaw l-attakki tal-avversarji, mertu wkoll għall-gowlkiper Matthew Xerri li salva lit-tim tiegħu aktar minn darba. Luke Hyzler poġġa lit-tim Għawdxi fil-vantaġġ minn penalty fit-tielet sessjoni, bil-veteran Charlie Zammit u Otis Zammit ikabbru l-vantaġġ għal 5-2. L-aħħar sessjoni ma pproduċiet l-ebda gowl, b’Xerri jkun strumentali biex ċaħħad lil Ta’ Xbiex f’diversi okkażjonijiet.

Ta’ Xbiex: M. Vassallo, Z. Cutajar Licari, J. Pace Mizzi, J. Cassar, M. Demarco, J. Saliba, J. Cutajar, K. Borg (2), S. Azzopardi, E. Schembri, D. Rizzo, D. Galea Mule, S. Engerer

Otters: M. Xerri, C. Spiteri Debarro, M. Lanzon (1), L. Hyzler (1), E. Meli, L. Gialanze, K. Scicluna (1), G. Mizzi, D. Dimech, C. Zammit (1), Z. Bartolo, O. Zammit (1), D. Spiteri, M. Farrugia,

Referees: Ronnie Spiteri, Richard Magri