Għawdex Knisja Lokali

Tinkixef il-faċċata tal-Bażilika ta’ San Ġorġ wara restawr estensiv

Jiżżanżnu l-arloġġi ta' mal-faċċata li jagħtu enfasi akbar liż-żmien milli lill-ħin

Propju fil-ġimgħa tal-Festa Titulari lil San Ġorġ Martri fil-Belt Victoria, Għawdex, il-ġimgħa l-oħra nkixef ir-restawr li sar fuq il-faċċata tal-Kolleġġjata u Bażilika ta’ San Ġorġ, wara xhur ta’ xhur ta’ xogħol fuq l-istess faċċata barokka u neoklassika, il-kampnari kif ukoll il-qniepen.

Hekk kif tlesta dan ix-xogħol ġew installati 2 arloġġi uniċi mal-faċċata tal-irħam abjad b’minutieri tal-bronz li jagħtu enfasi fuq iż-żmien aktar milli l-ħin.

Il-kunċett jissawwar mal-fatt li fil-ħajja tal-lum, il-bniedem ma jeħtieġx arloġġi biex jara x’deadlines għandu għaliex għandu wisq tant li nesa għalkollox iż-żmien meta jara x’ħin hu.

Għalhekk, tqabbad l-artisti, John Grima, biex jiżviluppa il-kunċett tal-arloġġ marbut ma’ Kristu bħala l-milja taż-żmien.

L-arloġġ tax-xellug hu statiku bil-minutiera ma titħarrikx biex jirrappreżenta l-bidu, meta Alla ħalaq iż-żmien u l-bniedem tant li f’nofsu hemm l-ewwel ittra tal-alfabet Grieg: l-Alfa. L-arloġġ tal-lemin, li f’nofsu għandu l-aħħar ittra tal-istess alfabet, l-Omega, juri s-siegħa u ġie stallat martell elettroniku li jindaqq kull siegħa b’tokki ma’ waħda mill-qniepen.

Il-makkinarju tal-arloġġ inħadem fil-Ġermanja mill-kumpanija Perrot, l-istess kumpanija li għamlet l-akbar arloġġ tad-dinja fil-Makkah Tower, fl-Għarabja Sawdija. Ix-xogħol tal-installazzjoni mbagħad ġie kkummissjonat mill-Kolleġġjata Ġorġjana tghid lill-arluġġara Għawdxin, C. Schembri, kumpanija li tispeċjalizza fix-xogħol ta’ installazzjoni u l-manutenzjoni tal-mekkaniżmu tal-arloġġi.