Lokali Qorti

Tliet snin ħabs talli ħaraq garaxx ta’ tfajla u disa’ xhur oħra talli ħebb għall-għarus tagħha

Jimmy Mifsud ta’ 41 sena mix-Xagħra, Għawdex ġie kundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li ħaraq il-bieb tal-garaxx ta’ tfajla. Mill-provi li fliet il-Qorti ta’ Għawdex preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud jirriżulta li meta ħa n-nar ma kien hemm ħadd fih u l-ħruq li seħħ ma kienx ta’ periklu għar-residenti li joqogħdu fl-inħawi, kif xehdu huma stess waqt il-proċeduri.

Il-Qorti qalet li ma hemm l-ebda dubju li Jimmy Mifsud li jaħdem bħala Care Worker kien hu li ta n-nar lill-post, u l-fehma tal-Qorti, din il-linja ssaħħet bil-prova tal-mera tal-karozza li nstabet fl-inħawi, fejn kif jista’ Mifsud jitwemmen mill-Qorti li l-mera kienet inkisret ferm qabel u nstabet dakinhar tal-inċident hemmhekk.

Barra provi oħra, il-lokaliżazzjoni taċ-ċellulari u l-marki fuq il-bieb tal-garaxx kollha jippuntaw lejn l-imputat bħala l-persuna li wettqet ir-reat u għalhekk instab ħati ta’ ħruq. F’kawża oħra separata deċiża wkoll mill-Maġistrat Mifsud, il-Care Worker ġie kundannat disa’ xhur ħabs oħra talli fit-8 ta’ Jannar li għadda, fil-bini tal-Qorti ġewwa r-Rabat, Għawdex, sawwat u kkommetta ġrieħi ħfief fil-konfront tal-għarus tal-eks tfajla tiegħu u li ta fastidju lilha,u li hedded lil ġuvni, nġurjah u li naqas li jħares ordni tal-Qorti.

Dan il-każ kellu l-bidu tiegħu minn ħbiberija li kien hemm bejn l-imputat u l-vittma fejn din ma riditx li din ir-relazzjoni tidħol aktar fil-fond, liema deċiżjoni ta’ Vella jidher li ma kinitx aċċettata minnu. Waqt li kienu se jibdew proċeduri marbuta ma’ fastidju u ksur tal-kundizzjonijiet ta’ liberta’ proviżorja nqala’ inċident fil-bini tal-Qorti bejn l-imputat u s-sieħeb tal-vittma fejn sofra minn ġrieħi ħfief.

F’April tas-sena l-oħra, l-istess Qorti kienet ċaħdet il-ħelsien mill-arrest ta’ Jimmy Mifsud, ftit wara li tressaq il-Qorti wara li hu kien ippreeżenta rikors fejn kien tenna li l-fatt li huwa health care worker kien hemm bżonnu fil-qasam tas-saħħa.

Il-Qorti kienet qalet dwar din it-talba li l-vjolenza domestika huwa reat serjissimu u li l-imputat ikkawża biża’ kbira fuq il-vittma, liema biża’ nnifisha tista’ twassal għal konsegwenzi koroh. Għalhekk, fid-dawl ta’ dan u tal-fatt li l-Qorti qalet li bħal ħafna negozji u postijiet oħrajn li kienu jinsabu bil-bibien magħluqa minħabba l-imxija tal-Covid-19, kienet ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Mifsud.

Mill-provi dwar il-ħruq tal-garaxx ħareġ li kien fil-11 ta’April 2020 għall-ħabta tas-5.45p.m. li xi ħadd kien ta in-nar lil bieb ta’ garaxx li jinsab fi Triq Patri Anton Debono SJ, Rabat, Għawdex. Minn stħarriġ li sar fuq il-post kien irriżulta li l-bieb tal-garaxx li kien jifforma parti minn group ta’ garaxxijiet kien ġie sgassat permezz ta’ vettura u li wara li ġie sgassat, dan ingħata n-nar. Irrizulta li dan il-garaxx kien mikri lill-vittma.

Minn xhieda prodotta kien ġie stabbilit ukoll li l-vittma kienet ilha taf lil Mifsud għal numru tas-snin, fejn huma kienu qrib ħafna ta’ xulxin. Irriżulta wkoll li matul l-aħħar żmien, Vella riedet tnaqqas minn din il-ħbiberija, fatt li milli jidher Jimmy Mifsud ma’ laqgħux sew.

Dakinhar li seħħ il-ħruq tal-garaxx, ftit qabel ma’ seħħ dan il-ħruq, kien qed jiġi allegat minn Vella li Jimmy Mifsud kien ċempel u hedded lill-vittma. Dwar din it-telefonata l-vittma kienet għamlet anke rapport fl-Għassa tal-Pulzija tar-Rabat, Għawdex. Dwar din l-akkuża l-imputat ma nstabx ħati.

Dakinhar stess li seħħ il-ħruq tal-garaxx, il-Pulizija arrestaw lil Jimmy Mifsud minn ġewwa d-dar fejn kien joqgħod fix-Xagħra. Meta ġie arrestat Mifsud kien qiegħed isuq vettura pickup li kellu l-mera tal-ġenb tan-naħa tal-passiġġier nieqsa.

Il-Prosekuzzjoni sostniet li din il-mera li kienet nieqsa nstabet fuq ix-xena tar-reat u li kienet taqbel ma’ dik nieqsa mill-vettura ta’ Jimmy Mifsud. Prova oħra prodotta hi li fil-ħin viċin tal-ħruq tal-garaxx, it-telefon ċellularli ta’ Jimmy Mifsud kien fl-inħawi ta’ fejn seħħ il-ħruq. Kien fuq dawn iż-żewġ fatturi li Mifsud instab ħati.

Il-Qorti poġġiet lill-ħati taħt Ordni ta’ Protezzjoni għal perjodu ta’ ħames u ordnatlu jħallas lura fi żmien sitt xhur lill- vittma l-ammont ta’ €1000 għad-danni li kkaġunalha fil-garaxx. Huwa ġie ordnat ukoll iħallas lir-Reġistratur tal-Qorti s-somma ta’ €2,893.10ċ bħala spejjeż peritali kif ukoll il-konfiska tal-vettura tal-għamla Mitsubishi li kienet fil-pussess tal-imputat fil-ġurnata li wettaq ir-reat ta’ ħruq.

Il-Qorti għaldaqstant ikkundannat lil Jimmy Mifsud kumplessivament tliet snin u disa’ xhur ħabs. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.