Lokali

Wara li l-Gvern tilef il-fiduċja tar-Renju Unit u l-każi żdiedu – Abela jinfexx f’attakk partiġġjan

F’24 siegħa minn meta pajjiżna tqiegħed fuq il-High Risk tar-Renju Unit rigward il-ħasil ta’ flus u finanzjament tat-terroriżmu, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern Laburista qiegħed ipoġġi lil pajjiżna fit-triq it-tajba.

Dan saħqu waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista fejn fl-istess waqt sostna li hekk kif pajjiżna għadu qed iħabbat wiċċu mal-pandemija saħaq li “f’xi waqtiet ma ħadnix l-aqwa deċiżjonijiet” u li “ħadna deċiżjonijiet mgħaġġla”.

L-aħħar deċiżjoni ċertament tkun il-u-turns li ħa l-Gvern tiegħu stess, partikolarment fejn jidħol il-Ministeru għat-Turiżmu li għat-tieni darba, u b’Ministru ieħor, pajjiżna spiċċa jsofri l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet żbaljati tagħhom.

Qalb attakk partiġġjan wara l-ieħor, il-Mexxej Laburista falla għal kollox milli jindirizza l-kwistjoni li pajjiżna, kawża tal-inkompetenza u l-korruzzjoni li ħakmet il-kuriduri ta’ Kastilja taħt Gvern Laburista…pajjiżna spiċċa fuq il-greylist tal-FATF bil-konsegwenza li l-impjiegi tal-Maltin u l-Għawdxin spiċċaw f’riskju.

Ta’ min wieħed jinnota wkoll li Abela saħaq li l-Gvern tiegħu dejjem mexa mal-parir ta’ xjenza…. minkejja li kien huwa stess li kontra kull parir matul ix-xhur tas-Sajf tal-2020 ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex joħroġ għaliex skont hu “il-mewġ fil-baħar qiegħed” u li qatt ma kellna “nbeżżgħu bil-babaw.”

Dan filwaqt li għal aktar minn darba l-Partit Laburista mexa fuq il-proposti mgħotija lilu mill-Partit Nazzjonalista, fosthom dawk tal-vouchers – minkejja li fil-bidu ankè l-Gvern ta’ Robert Abela stess ipprova jwaqqa’ għaż-żufjett.

Iżda fi kliemu stess…il-poplu għandu għażla dik bejn id-dilettantiżmu u min mexa bil-għaqal.

Ta’ min wieħed jinnota li wara snin rekbin fuq il-karru tal-eks Mexxej Laburista u eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-ewwel wieħed ikun Robert Abela nnifsu…issa bħal donnu jrid jintesa u jitpoġġa taħt it-tapit daqslikieku qatt ma kien.