Internazzjonali

Xi Jinping isir l-ewwel President taċ-Ċina li żar it-Tibet fl-aħħar 30 sena

Il-President taċ-Ċina, Xi Jinping, fl-aħħar jiem, żar ir-reġjun problematiku tat-Tibet bħala l-ewwel żjara uffiċjali ta’ Mexxej Ċiniż fit-territorju għal dawn l-aħħar 30 sena.

Intant, iż-żjara ta’ Xi Jinping damet mill-Erbgħa sallum, iżda kien biss fl-aħħar sigħat li l-media taċ-Ċina ħarġet bir-rapporti u dettalji relatati mal-mawra tal-President minħabba ‘l-aspetti sensittivi’ taż-żjara.

Ir-reġjun tat-Tibet ilu għexieren ta’ snin jeżisti taħt l-oppressjoni taċ-Ċina.

Dan meta ċ-Ċina qed tkun akkużata b’li ħonqot id-dritt għall-espressjoni ħielsa tal-kultura u r-reliġjon fir-reġjun remot partikulari fejn ir-residenti, fil-parti kbira, huma Buddisti.

Intant, il-Gvern Ċiniż komunista qiegħed jiċħad għal dawn l-akkużi anki waqt li numru kbir ta’ Tibetani li qed jgħixu f’eżilju akkużaw lil Beijing dwar ir-ripressjoni reliġjuża u ‘politika intiża bex telimina l-kultura tat-Tibet’.

Fl-aħħar sigħat ħarġu l-filmati ta’ Xi Jinping qed isellem lil folla ta’ nies lebsin il-kostumi etniċi filwaqt li jxejjer il-bandiera Ċiniża. Dan ftit wara l-wasla tiegħu, bl-ajruplan, fl-inħawi ta’ Nyingchi, lejn ix-xokk tat-Tibet.

Il-President Ċiniż żar numru ta’ lokalitajiet biex isir jaf dwar l-iżvilupp urban qabel, imbagħad, ivvjaġġa lejn Lhasa, il-kapitali tat-Tibet, fejn, fost oħrajn żar il-Palazz ta’ Potala li hi r-residenza tradizzjonali tad-Dalai Lama; il-Mexxej Spiritwali ta’ Tibet li qed jgħix f’eżilju.

L-aħħar darba li Xi Jinping  żar it-Tibet kienet għaxar snin ilu meta hu kien mar hemmhekk fir-rwol ta’ Viċi-President Ċiniż.Fil-fatt, l-aħħar Mexxej Ċiniż li żar lit-Tibet fil-kapaċità uffiċjali tiegħu kien l-eks President Jiang Zemin, fl-1990.

Il-media Ċiniża qalet li, waqt iż-żjara, Xi Jinping ‘kien attent ħafna’ li jitgħallem dwar l-iżviluppi u x-xogħol relatati mal-affarijiet etniċi u reliġjużi, flimkien mal-impenji intiżi biex jipproteġu l-kultura tat-Tibet.  

Ir-reġjun tat-Tibet għandu passat mill-aktar problematiku u polemikuż, fejn għamel żmenijiet jiffunzjona bħala entità indipendenti u meta dam ukoll is-snin taħt il-ħakma tad-dinastiji Ċiniżi u tal-Mongoli.

Fl-1950, iċ-Ċina kienet bagħtet eluf ta’ truppi biex jinfurzaw il-kontroll tagħha fuq ir-reġjun. Dan meta diversi bnadi kienu spiċċaw parti mir-Reġjun Awtonomu tat-Tibet, bi bnadi oħra jkunu inkorporati fl-eqreb provinċji Ċiniżi tt-Tibet.

Intant, u għalkemm iċ-Ċina qed tinsisti li t-Tibet irnexxielha tiżviluppa ħafna ‘taħt it-tmexxija ta’ Beijing’, il-gruppi tad-drittijiet umani u l-attivisti favur ‘Tibet indipendenti’ wieġbu li ċ-Ċina bagħqet tabbuża d-drittijiet tal-poplu ( tat-Tibet) fost l-akkużi regolari dwar ripressjoni politika u reliġjuża min-naħa ta’ Beijing.