Lokali

Dewmien fil-Qrati – problema li għadha ma ssolvietx

Kawżi fil-Qrati Maltin idumu bejn id-doppju u tmien darbiet iktar mill-medja ta’ kawżi fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Dan joħroġ minn rapport tal-Kummissjoni Ewropea li esprimiet tħassib dwar dan id-dewmien. Ir-rapport jidentifika in-nuqqas ta’ Mħallfin u Maġistrati u n-nuqqas ta’ diġitalizzazzjoni ta’ proċessi fil-Qorti bħala żewġ problemi ewlenin għal dan id-dewmien.

Dwar dan ir-rapport jikkummenta l-ġurnal Times of Malta fl-editorjal fejn ifakkar li smigħ xieraq u imparzjali li jkun konkluż fi żmien raġjonevoli hu dritt fondamentali kif imfisser mill-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Minkejja diversi sentenzi mill-Qorti Ewropea Għad-Drittijiet tal-Bniedem, din is-sitwazzjoni ta’ dewmien esaġerat għadha tippersisti.

Hu fatt magħruf li l-ammont ta’ Mħallfin u Maġistrati ras għal ras f’Malta hu fost l-inqas fl-Unjoni Ewropea bi Prim Imħallef wara l-ieħor jitkellem dwar il-bżonn ta’ żieda fil-ġudikatura fil-ftuħ tas-sena forensi.

Iżda anki jekk ikun hemm żieda fin-numru ta’ ġudikanti, l-editorjal jargumenta li din hi biss parti waħda mill-problema. Għaliex anki meta jiżdiedu il-Maġistrati u l-Imħallfin, hemm nuqqas serju ta’ deputati reġistraturi u staff ieħor fil-Qrati.

Problema oħra hi dik tal-bini fejn m’hemmx biżżejjed awli u spazju biex jilqgħu għal din l-espansjoni.

Fl-aħħarnett, l-editorjal jitkellem ukoll dwar il-proċedura. F’ċertu każi, id-dewmien jiġri minħabba li ma jkunx hemm osservanza stretta tal-proċedura, iżda f’oħrajn, hi l-proċedura innifisha li hi antikwata u tispiċċa tikkontribwixxi hi għad-dewmien.

Inċidentalment, anki l-ġurnal The Malta Independent jikkummenta dwar il-proċessi quddiem il-Qrati.

L-editorjal jirreferi għal esperjenza personali ta’ wieħed mill-edituri li ssejjaħ biex jidher fiżikament quddiem il-Qorti ta’ Għawdex sempliċement biex jikkonferma li artiklu kien miktub fuq il-ġurnal tiegħu.

L-Editorjal jistaqsi kif fl-era tal-internet, email u video conferencing, persuna kellha taħli ġurnata, taqsam lejn Għawdex għal ftit minuti biex tidher fiżikament u tikkonferma xi ħaġa li faċilment setgħet saret b’mezzi elettroniċi jew permezz ta’ affidavit.