Edukazzjoni Lokali

L-MUT b’azzjonijiet industrijali wara nuqqas fil-ftehim kollettiv għall-impjegati tal-Junior College

L-Union tal-Għalliema.. l-MUT rreġistrat tilwima industrijali mal-Gvern u mat-tmexxija tal-Università ta’ Malta wara li baqa’ ma ntlaħaqx ftehim dwar il-ftehim kollettiv ġdid għall-impjegati tal-Junior College.

Net News tkellem mal-President tal-MUT Marco Bonnici fejn qalilna li fl-aħħar sigħat, l-Uffiċjali tagħha ppreżentaw pożizzjoni emendata tan-negozjati lill-Unit tal-Gvern għar-Relazzjonijiet Industrijali, bi klawsoli li kienet ilha tiddiskuti għal diversi xhur u li nkludew bażi ta’ ftehim. Madankollu, l-Union qalet li t-tmexxija tal-Università, li hi reponsabbli wkoll mill-Junior College, neħħiet dawn il-punti mingħajr ġustifikazzjoni.

Marco Bonnici stqarr ma’ Net News li dan kollu ma jawgurax tajjeb lis-sena akkademika il-ġdida għaliex dan kollu ser ikun qed jaffettwa fis-sena skolastika li tibda xahrejn oħra

Għaldaqstant, minħabba li qieset dan il-pass bħala rigress fin-negozjati, qalet li dan ma jistax ikun aċċettat. Kien għalhekk li l-MUT ħabbret li rreġistrat it-tilwima industrijali kontra l-Gvern u t-tmexxija tal-Università.