L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Periti nvoluti fil-każ appellaw mis-sentenza fil-konfront ta’ żewġ periti mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati dwar il-mewt ta’ Miriam Pace f’Marzu tal-2020. Wara li daħal l-appell minn naħa tal-Avukat Ġenerali d-difiża taż-żewġ Periti li nstabu ħatja ta’ qtil involontarju wkoll appellaw.
Kien fl-1 ta’ Lulju li għadda, li l-Periti Roderick Camilleri ta’ 37 sena u Anthony Mangion ta’ 73 sena instabu ħatja tal-qtil involontarju ta’ Miriam Pace meta fit-2 ta’ Marzu tal-2020, ix-xogħolijiet ta’ tħaffir biswit ir-residenza tal-familja Pace fil-Ħamrun wassal għall-kollass tar-residenza li ħalla lill-mara ta’ 55 sena mejta f’darha stess.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, ma tatx piena ta’ priġunerija għal diversi raġunijiet fosthom minħabba li l-ħatja kellhom kondotta nadifa. Huma ngħataw piena ta’ 880 siegħa ta’ xogħol fil-komunita’ u multa ta’ €18,000, sentenza li hija fil-parametri tal-liġi.
Din is-sentenza ġabet ftit tad-diżappunt fost ħafna, inkluż l-armel tal-vittma Carmel Pace li kien qal li s-sentenza kienet waħda ħanina wisq, iżda huwa qal ukoll li ma kienx qed jistenna xi forma ta’ tpattija. Fil-fatt l-Avukati tal-famija ta’ Miriam Pace, Joe Giglio u David Bonello qalu wara s-sentenza li fl-ebda mument huma ma ssuġġerew li l-ħatja jingħataw piena karċerarja.
Fost il-kummenti li saru kienu li n-nuqqas ta’ sentenza ta’ priġunerija, anke sospiża tfisser li l-Kamra tal-Periti ma setgħetx tibda proċeduri li jwasslu għar-revoka tal-warrant. Kontra dak li deher fuq media oħra il-partijiet ġew notifikati bl-appell u fil-fatt huwa wkoll ressqu appell mill-każ. Dan għamluh permezz tal-Avukat tagħhom Arthur Azzopardi.
//= $special ?>