Andrea Camilleri, żagħżugħ ta’ 25 sena residenti l-Iklin weġġa’ gravi wara li kellu inċident bil-mutur. L-inċident seħħ il-Ġimgħa filgħaxija għall-ħabta tas-6.15p.m fi Triq il-Wied, fl-Iklin.
Permezz ta’ post fuq Facebook Camilleri qal li tilef il-kontroll tal-mutur tat-tip Kymco Agility wara li l-karozza li kienet qed isuq quddiemu għaddiet minn fuq culvert u inqalat. Andrea Camilleri ma’ kellux biżejjed ħin biex jevitaha u spiċċa biex tilef il-kontroll u waqa’.
Il-Pulizija kif ukoll tim mediku waslu fuq il-post u dawn tal-aħħar ħadu lir-raġel l-Isptar fejn iktar tard kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Kaġun ta’ dan l-inċident, Andrea Camilleri qed isofri minn ksur fil-kustilji, ksur f’għonqu kif ukoll f’imnieħru.
Fil-post tiegħu fuq Facebook, Andrea Camilleri esprima r-rabja tiegħu minħabba l-inkompetenża tal-Ministru tat-Transport u Infrastruttura Ian Borg, u sostna li dan in-nuqqas ta’ ħsieb ser iwassal sabiex fil-futur jinqatel xi ħadd. Camilleri kompla billi qal li “li kieku Infrastracture Malta rranġaw it-triq kif suppost, kieku llum qiegħed il-baħar u mhux ħiereġ mill-Isptar.”
It-triq fejn seħħ dan l-inċident Triq il-Wied, l-Iklin, ilha biss xahar li suppost tlestiet, wara li x-xogħlijiet damu jkaxkru kważi sentejn, bir-residenti dejjem jilmentaw li t-tiswijiet li saru f’din it-triq ikkawżaw inkonvenjenzi oħra bħal qtugħ tad-dawl u storbju sfrenat.
Infrastructure Malta wiegħdet li t-triq kellha terġa’ tinfetaħ sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena u minħabba d-dewmien li sar bla bżonn, u waħħlet fil-pandemija tal-COVID-19.
Eventwalment din it-triq infetħet mill-ġdid aktar kmieni dan ix-xahar..
//= $special ?>