Lokali Qorti

Seraq karozza u wara li rmonkha ħadha fi scrapyard

Raġel ta’ 34 sena minn San Ġiljan ammetta quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li nhar il-Ħamis li għadda seraq karoza bit-tow-truck tiegħu, rmonkha u wara ħadha fi scrapyard. Minkejja li għall-ewwel huwa kien iddikjara li l-karozza kienet tiegħu, aktar tard mal-Pulizija u fil-Qorti tenna li kien seraq il-karozz

Agius li ġie akkużat ukoll li sar riċediv, tressaq mill-Ispettur Ryan Vella, li qal li jumejn ilu lill-Pulizija daħlilha rapport li nsterqet karozza u mill-investigazzjonijiet irriżulta li din ġiet irmunkata. Qal li t-tow truck li rmonka l-karozza kien fuq isem l-akkużat. Mill-investigazzjonijiet li saru, sid il-karozza qal li din tiswa’ €8,000.

Kompla jgħid li meta l-Pulizija bagħtu għalih, għall-ewwel deher konfuż u mbagħad ammetta li rmunkha għax qal li ma kellhiex pjanċi ta’ reġistrazzjoni. Ingħad ukoll li huwa baqa’ sejjer bil-karozza fi scrapyard u lis-sid tal-scrapyard qallu li din kienet tiegħu.

Agius ammetta l-akkużi kontrih bl-avukat difensur Franco Debono, li flimkien tal-Avukat Marion Camiller deher għalih talab li jsir ‘pre sentencing report’. Id-difiża qalet ukoll li għandhom jiġu ndirizzati xi problemi li għandu l-imputat u li iżda fil-frattemp jingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx sakemm il-kundizzjonijiet ikunu stretti.

Il-Maġistrat Stafrace Zammit laqgħet it-talba b’numru ta’ kundizzjonijet fosthom li jiffirma kuljum l-għassa tal-Pulizija u ma joħroġx mid-dar bejn il-11.00pm u t-8am. Huwa ngħata l-pleġġ mingħajr depożitu u fuq garanzija personali ta’ €15,000 u ddiferiet il-każ għal nofs Settembru.