Lokali

Sistema ġdida ta’ dawl mal-faċċata tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Floriana

Wara x-xogħol ta’ restawr tal-faċċata ewlenija tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, ġiet inawgurata sistema ġdida ta’ dawl. Din ikkoinċidiet mal-festa ta’ San Kalċedonju, li qed tiġi ċċelebrata llum 24 ta’ Lulju, u li l-fdalijiet tiegħu jinsabu fil-kappella tal-Kurja. Ġie inawgurat ukoll ir-restawr li sar fuq il-ħajt tal-ġenb tal-Kurja fi Triq Oliver Friggieri, li sa ftit ilu kienet Triq l-Argotti.

Il-binja tal-Kurja tal-Arċisqof, li għandha faċċata ewlenija wiesgħa u tħares fuq Pjazza San Kalċedonju, qabel kienet magħrufa bħala Casa della Madonna di Manresa u oriġinarjament kienet dar tal-irtir b’sular wieħed b’limitu ta’ għoli sa 24 palmi, kif kien ġie deċiż mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-1744. Il-binja kienet tinkludi kantina taħt il-bini kollu. Il-bini eventwalment ġie estiż fil-livell tal-ewwel sular, magħmul minn żewġ swali kbar. L-ikbar xogħol strutturali, u ż-żieda tal-ewwel sular, beda fl-1860. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-bini sofra ħsarat estensivi.

Il-Kurja tal-Arċisqof għandha daħla imponenti mdawra b’kolonni fuq kull naħa tat-taraġ ewlieni. Fuq il-bieb prinċipali hemm skultura fuq il-ġebla tal-Madonna b’Ġesù tarbija fi ħdanha, imdawrin minn San Ġwann Battista u San Pawl Appostlu. Id-dettalji l-oħra ta’ mal-faċċata qatt ma tlestew. Fil-pjan terran hemm biss żewġ twieqi kompluti
b’ornamenti ta’ skultura fil-ġebla.

Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja tal-Arċisqof, qal li l-fażi li jmiss hi li tiġi rrestawrata dar li tinfed mal-Kurja u tinsab fi Triq l-Iljun, kantuniera ma’ Triq Vincenzo Bugeja, u li eventwalment se tinbidel f’ċentru ta’ evanġelizzazzjoni. Hu qal li d-dawl tal-faċċata tal-Kurja sar b’mod metikoluż u skont l-ogħla standards ta’ dawl ta’ bini storiku. Il-proġett kien iffinanzjat mill-Arċidjoċesi ta’ Malta li fl-aħħar snin żiedet l-isforzi tagħha f’diversi parroċċi biex tiżgura li l-patrimonju Kattoliku jiġi rrestawrat għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.