Coronavirus Lokali Saħħa

Tmut persuna bil-Covid-19 – 171 każ ġdid

Mara ta’ 73 sena hija l-aħħar vittma tal-Covid-19 hekk kif issa l-vittmi ta’ dan il-virus ilaħħqu l-ammont ta’ 421. Il-mara mietet waqt li kienet qed tirċievi l-kura fl-isptar Mater Dei. Mhux magħruf x’tip ta’ varjant tal-Covid-19 il-mara tilfet ħajjitha. L-aħħar mewta kaġun tal-virus qabel din imħabbar fil-jum tas-Sibt kienet seħħet f’Ġunju li għadda.

Il-persuni l-isptar baqgħu 19, b’persuna tinsab tirċievi l-kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Bejn il-Ġimgħa u s-Sibt instabu 171 każ ġdid tal-Covid-19, bil-każijiet attivi jitilgħu għal 2,373. It-total ta’ każijiet li Malta rat minn Marzu 2020 ‘l hawn issa tela għal 33,541. Huwa 1,472 l-ammont ta’ każijiet ġodda li rajna fl-aħħar tmien t’ijiem.

Aħbar tajba hi li fl-aħħar sigħat fiequ 92 persuna minn dan il-virus, bl-ammont totali ta’ persuni li fiequ mill-Coronavirus issa huwa 30,448.

Sal-bieraħ ingħataw 742,361 doża tal-vaċċin, u 368,587 persuna huma kompletament imlaqqma.

Fil-post tiegħu fuq Facebook il-Ministeru qal li 299 persuna li kellhom il-Coronavirus intbagħtu lura f’pajjiżhom.