Sport Waterpolo

Valletta u Marsaskala jirritornaw fl-ogħla diviżjoni, ikkundannati Sirens u Exiles … Neptunes jirbħu konfront dirett

(Ritratt: Charles Portelli)

Rapport: Stewart Said

M’SKALA FISH AND FISH……. 9

EXILES…………………………….. 7

(1-2), (2-3), (3-1), (3-1)

Marsaskala Fish and Fish għamluha. Kisbu post fil-Kampjonat Premier wara nuqqas ta’ ftit aktar minn 15-il sena b’rebħa fil-konfront deċiżiv kontra Exiles, b’tal-aħħar għandhom id-destin fl-Ewwel Diviżjoni għall-ewwel darba fi mill-2010. Mertu għal Marsaskala li kisbu dan il-post b’mertu tagħhom, hekk kif mill-ewwel logħba tal-istaġun, urew li hu tim magħqud u kellhom determinazzjoni kbira li jaslu għal dan it-tragward. Exiles fuq in-naħa l-oħra ddiżappuntaw u l-mira ewlenija hi li tal-anqas jiksbu unur fl-Ewwel Diviżjoni.

Exiles bnew vantaġġ doppju fl-ewwel sessjoni b’gowls ta’ Max Aquilina u Philip Paris. Marsaskala stejqru ftit wara l-ħasda inizjali u skorjaw permezz ta’ Mark Carani. L-Iskalin irnexxielhom iġibu d-draw għal 3-3 b’gowls ta’ Jean Claude Cutajar u Carani, iżda l-captain Kurt Griscti u Sean Xerri de Caro ħallew lil Exiles jidħlu jistrieħu b’vantaġġ doppju.

Il-kliem tal-kowċ Arpad Babay fil-ħin tal-mistrieħ, donnu servew ta’ ispirazzjoni għall-plejers tiegħu. Marsaskala dehru aktar determinati u meritatament ġabu d-draw. Timmy Sullivan żamm il-vantaġġ ta’ Exiles b’gowl minn penalty, iżda reġa’ kien Carani li skorja r-raba’ gowl personali.

Kollox kellu jkun deċiż fl-aħħar sessjoni. Għall-ewwel darba fil-partita, Marsaskala marru fil-vantaġġ b’gowl ieħor ta’ Carani minn man-up. David Fenech ġab id-draw bi ftit aktar minn żewġ minuti għal tmiem il-logħba. Kien penalty ta’ Carani li witta t-triq għar-rebħa ta’ Marsaskala, b’Jake Ciantar jissiġilla r-rebħa lejn it-tmiem, fost protesti ta’ Exiles. Fi tmiem il-logħba kif mistenni, ċelebrazzjonijiet mistħoqqa mill-plejers, kowċ u kumitat ta’ Marsaskala.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (1), A. Camenzuli, P. Privitera, G. Sammut, L. Grixti, K. Navarro (1), M. Manara, S. Micallef, L. Felice, J. Ciantar (1), M. Carani (6), A. Muscat, D. Camilleri, G. Galea

Exiles: M. Castillo, N. Saliba, S. Apap, P. Paris (1), T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro (1), M. Fenech, K. Griscti (1), N. Paris, J. Bajada, M. Aquilina (2), D. Fenech (1), G. Borg, E. Micallef, M. Naudi

Referees: Peter Balzan, Ronnie Spiteri

Din id-darba ma żelqux

VALLETTA IZIBET…………………….. 16

MARSAXLOKK BROWN’S…………. 5

(5-2), (3-2), (4-0), (4-1)

Il-pressjoni kienet kollha fuq Valletta Izibet hekk kif kellhom bżonn li ma jitilfux biex jiksbu post fil-Kampjonat Premier. Huma rnexxielhom jegħlbu lil Marsaxlokk Brown’s Pharma 16-5 biex għamlu dak li ma għamlux fl-aħħar sentejn, jiġifieri jilagħbu fl-ogħla diviżjoni. Dan ir-riżultat fisser li Sirens mhux se jilagħbu fl-ogħla diviżjoni għall-ewwel darba mill-1988.

Il-Beltin kellhom l-aqwa bidu possibbli b’żewġ gowls fl-ewwel minuta tal-logħba permezz ta’ Edward Aquilina u Niki Lanzon. Kyle Cremona naqqas id-distakk iżda Michele Stellini reġa’ rdoppja l-vantaġġ. Rainier Scerri skorja għal Marsaxlokk għal darba oħra mix-xellug tal-pitch iżda Stellini u Aquilina għamlu l-iskor 5-2. Fit-tieni sessjoni, ix-Xlukkajri naqqsu d-distakk għal żewġ gowls f’żewġ okkażjonijiet sakemm Niki Lanzon skorja t-tieni gowl personali u kabbar il-vantaġġ ta’ Valletta għal erba’ gowls.

It-tim ta’ Zoran Maslovar aċċerta mir-rebħa fit-tielet sessjoni b’erba’ gowls mingħajr risposta għal vantaġġ komdu ta’ 12-4. Peter Borg, Michele Stellini, Andrea Agius u Nikolai Zammit rispettivament skorjaw il-gowls. L-aħħar sessjoni serviet biex iż-żewġ kowċis jużaw plejers li ma jkunux regolari b’Valletta jirbħu xorta s-sessjoni.

Valletta: T. Micallef, P. Borg (1), E. Aquilina (4), M. Stellini (3), A. Agius (1), R. Mock (1), D. Paolella, M. Mifsud (1), N. Farrugia, M. Zammit (1), N. Zammit (1), N. Lanzon (2), R. Sciortino, K. Tanti (1), M. Mannino

Marsaxlokk: B. Busuttil, S. Stellini, M. Pace, M. Martellacci (1), S. Busuttil, L. Saliba, J. Galea, K. Cremona (1), Z. Micallef (1), R. Scerri (1), M. Cacici, J. Portelli (1), F. Buhagiar, L. Mallia, C. Cauchi

Referees: Neville Mercieca, Massimo Angileri

Qatt ma kienu fi żvantaġġ

NEPTUNES…………………………… 11

SLIEMA FRANK SALT……………….. 7

(5-3), (2-3), (2-0), (2-1)

Neptunes rebħu l-ewwel konfront dirett tal-istaġun wara li għelbu lil Sliema Frank Salt b’distakk ta’ erba’ gowls. Rebħa meritata għal Neptunes li għarfu jiksbu vantaġġ, b’Sliema jirnexxilhom biss iġibu d-draw tul il-logħba. Neptunes kisbu l-vantaġġ fl-ewwel nofs tas-sessjoni iżda fiż-żewġ okkażjonijiet Sliema wieġbu b’gowls ta’ Jamie Gambin minn man-up u Jerome Gabarretta rispettivament. Neptunes wettqu reazzjoni immedjata u sa ftit aktar minn minuta wara kienu 5-2 fil-vantaġġ, sakemm Liam Galea naqqas id-distakk.

Fil-bidu tat-tieni sessjoni, il-captain Mark Meli skorja għal Sliema biex id-distakk niżel għal gowl biss. Iżda kif għamlu fl-ewwel sessjoni, Neptunes reġgħu kabbru l-vantaġġ għal tliet gowls, din id-darba b’doppjetta ta’ Jeremy Abela, biż-żewġ gowls jaslu minn man-up. Sliema baqgħu jemmnu u fl-aħħar minuta tas-sessjoni Gambin u Nicholas Bugelli qatgħu d-distakk.

Madankollu s-Slimiżi naqsu li jibnu fuq dawn iż-żewġ gowls hekk kif fit-tielet sessjoni ma kinux preċiżi lejn il-lasta ta’ Alan Borg Cole. Il-protagonist ta’ din is-sessjoni kien il-captain ta’ Neptunes Stevie Camilleri. Sa dak il-ħin, kien aktar qed jidderiġi lil sħabu milli jmur għal konklużjonijiet. Iżda meta għamel dan, sab ix-xibka darbtejn, bit-tieni gowl jasal minn ġmiel ta’ azzjoni personali. Għal darba oħra, Sliema kellhom jiġru wara differenza ta’ tliet gowls. Iżda meta Stevie Camilleri għamel l-iskor 10-6 minn penalty fl-aħħar sessjoni, ir-reazzjoni tas-Slimiżi kienet biss gowl ta’ Zach Mizzi.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (1), L. Calleja, G. Pace (1), M. Castillo, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (3), J. Camilleri (2), J. Abela (2), M. Spiteri Staines (2), A. Fenech, S. Gialanze, A. Bugeja, M. Farrugia, R. Galea

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (1), L. Galea (1), M. Meli (1), B. Cachia, N. Schiavone, M. Mifsud, J. Brownrigg, J. Gambin (2), Z. Mizzi (1), N. Bugelli (1), Z. Sciberras

Referees: Massimo Angileri, Stefan Licari