Lokali

“90 ġurnata biex inġibu mill-ġdid il-fiduċja f’Malta” – Bernard Grech

"Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem emmnu fil-Maltin u kisbu l-aħjar għal Malta"

“Gvern Nazzjonalista mmexxi minni jaħdem biex Malta toħroġ mill-greylist tal-FATF fi żmien 90 jum minn meta nkunu eletti”.

Hekk kiteb il-Kap tal-PN Bernard Grech f’artiklu ppubblikat fis-Sunday Times of Malta hekk kif saħaq li “Gvernijiet Nazzjonalisti għandhom storja mgħonija li juru riżultati li oħrajn kienu jqisu impossibbli”.

Bernard Grech saħaq li l-minuta li poplu Malti jafda gvern ġdid Nazzjonalista, hemmhekk ikun qed jitwassal messaġġ ta’ fiduċja mingħajr ebda interess li tipproteġi lil klikka li ma jistgħux m’għandix dubju li l-FATF se tieħu nota.

“Gvernijiet Nazzjonalista flimkien mal-kumplament tal-poplu kisbu l-Indipendenza, saħħew id-demokrazija, bnew mill-ġdid il-fiduċja mal-pajjiżi tal-Punent, issieħbna fl-UE u fiż-Żona Ewro”.

Fl-artiklu tiegħu Bernard Grech tkellem dwar kif ir-riċetta għal dan is-suċċess kienet il-kreddibiltà, l-abbiltà li wieħed jikseb il-fiduċja u li jżomm il-prinċipji. Huwa qal li bħala Partit Nazzjonalista qatt ma kien kompromessi tal-pożizzjoni u li permezz t’hekk intilfu l-fiduċja u l-morali.

Bernard Grech qal li sfortunatment il-gvernijiet Laburisti lagħbu b’mod konsistenti man-nar u poġġew l-affidabbiltà ta’ Malta fil-periklu.

Dwar dan għamel referenza għall-mod kif il-Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela daħħal lil Malta fil-greylist tal-FATF, u fuq kif din il-ġimgħa ir-Renju Unit poġġa lil Malta fuq il-lista ta’ pajjiżi b’riskju għoli għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

“Din hija daqqa ta’ ħarta kbira għall-ekonomija tagħna għax tqiegħed aktar skrutinju u burokrazija minn qatt qabel fuq il-komunità kummerċjali tagħna. U dan, fi żmien meta diġà qed jiffaċċjaw l-isfidi massivi li ġabet magħha Covid-19”

Bernard Grech qal li Robert Abela kien wiegħed li jagħmel l-oppost: li jgħaddi lil Malta minn dawn l-eżamijiet… “sfortunatament iżda ġara bil-kontra” kompla l-Kap tal-PN.

“Il-messaġġ tal-FATF huwa ċar: minkejja l-bidliet kollha li saru fuq il-karta, il-gvern ta’ Robert Abela ma jistax ikun fdat”

Bernard Grech saħaq li l-iktar mod mgħaġġel u effettiv biex titneħħa Malta mill-greylist huwa billi jinbidel il-gvern ta’ Robert Abela u l-poplu jeleġġi wieħed ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista.

Huwa qal li bidla biss għal gvern Nazzjonalista tista’ teħlisna mill-greylist fi żmien 90 jum u l-PN kollu qed jaħdem bla heda kuljum biex jiżgura li Malta terġa’ tikseb il-fiduċja tal-elettorat.

Bernard Grech qal li l-elettorat se jkollu għażla ċara fl-elezzjoni li jmiss… bejn Gvern ta’ wegħdiet miksura li jipproteġi lill-ftit u jġiegħel lil kulħadd ibati l-konsegwenzi koroh jew PN li jispira l-fiduċja, it-tama u l-ambizzjoni.