Lokali

Abela jinjora għal kollox il-kundanna tar-Renju Unit u l-ECDC

Skont il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, il-Maltin u l-Għawdxin bħalissa qed jgħixu kif kienu jgħixu qabel bdiet il-pandemija … f’kumment meqjus minn ħafna fuq il-media soċjali bħala wieħed surreali, filwaqt li fakkruh fis-sagrifiċċji li ħafna għamlu f’dawn ix-xhur u għadhom qed jagħmlu.

Fuq ir-radju tal-Partit Laburista, Abela nsista li l-attivitajiet kulturali reġgħu bdew iqumu fuq saqajhom … iżda fil-verità, diversi rappreżentanti ta’ din l-industrija jinsabu għarkupptejhom u demoralizzati, anke minħabba li mhux qed isibu tekniċi wara li ġew sfurzati jibdlu l-impjieg tagħhom, ladarba dan is-settur ilu magħluq għal sena u nofs.

Kritika wkoll minn ħafna għall-mod kif Abela tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna. Dan hekk kif ħafna nnutaw kif ftaħar bil-programm ta’ vaċċinazzjoni, iżda – b’mod insensittiv – injora għalkollox il-fatt li matul il-jum tas-Sibt, sar magħruf li sfortunatament, familja oħra tilfet qariba tagħha kawża ta’ dan il-virus qerriedi.

Il-Prim Ministru injora għalkollox ukoll il-fatt li fl-aħħar jiem, l-ECDC poġġiet fuq il-lista l-ħamra lil Malta wara ż-żieda li qed nesperjenzaw ta’ kuljum fil-każi pożittivi … żieda li waslet kawża ta’ deċiżjonijiet żbaljati u tkaxkir tas-saqajn mill-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo, bil-barka ta’ Abela nnifsu.

U fl-istess waqt li ammont ta’ ħwienet baqgħu ma reġgħux fetħu wara li għalqu fost ir-restrizzjonijiet tal-pandemija – b’mijiet ta’ ħaddiema spiċċaw għal diversi xhur mingħajr impjieg – Abela ftaħar kif ir-rata tal-qgħad issa naqset. Dik is-sitwazzjoni kienet ir-raġuni ewlenija biex ħafna għexu xhur ta’ stress psikoloġiku, fost sfidi kbar biex ilaħħqu mal-ħajja.

Il-Prim Ministru lanqas ma lissen kelma dwar il-fatt li Malta tqegħdet fuq il-lista High Risk tar-Renju Unit – fl-istess grad tal-Botswana, il-Panama u z-Zimbabwe fost ohrajn – sforz deċiżjonijiet żbaljati tal-Gvern Laburista fl-aħħar snin.

Dan wara li l-Financial Action Task Force qegħdet lil Malta fil-greylist għax ma tafdax lill-Gvern ta’ Robert Abela kawża tar-rebgħa għall-flus li ħakment il-kurituri ta’ Kastilja.

Iżda għal darb’oħra, il-Prim Ministru għażel li jagħlaq għajnejh u jixħet kollox taħt it-tapit, daqslikieku dawn ir-rapporti internazzjonali ma jeżistux … bis-serħan il-moħħ tal-investituri, in-negozjanti, il-professjonisti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u l-poplu Malti u Għawdxi kollu għadu ‘l bogħod.