Internazzjonali

Ċina: Tifun qawwi fi żmenijiet ta’ straġi

Mijiet ta’ nies kienu mwissija biex ma joħorġux minn djarhom wara li l-inħawi tal-kosta lejn il-lvant tal-pajjiż intlaqat minn tifun kbir. Dan meta l-awtoritajiet lokali  kienu qed jistennew ir-rapporti dwar il-ħsarat sussegwenti dovuti għall-elementi.

It-tifun In-Fa laqat lill-belt ta’  Zhoushan jiem biss wara li diversi bnadi taċ-Ċina spiċċaw straxxnati minn għargħar storiku u devastanti li ħalla talanqas 60 mejtin fiċ-ċentru tal-pajjiż. F’din is-sitwazzjoni, l-awtoritajiet tat-trasport issospendew is-servizzi, fost l-allerts kontinwi biex il-poplu jeżerċita l-massimu tal-kawtela fiċ-ċirkustanzi.

Fl-aħħar sigħat, it-tifun qaċċat numru kbir ta’ siġar, bil-pajjiż jirrapporta wkoll inċidenzi ta’ għargħar. Dan waqt li għexieren ta’ vapuri kellhom ikunu evakwati minn port lejn in-nofsinar taċ-Ċina minħabba l-periklu tat-tifun.