COVID-19: 127 każ ġdid, 34 jingħataw l-kura fl-Isptar

Fl-aħħar 24 siegħa rriżultaw 127 każ pożittiv ġdid ta’ Covid-19, bil-każi attivi jitilgħu għal 2,294. It-total ta’ każi li Malta rat minn Marzu 2020 ‘l hawn issa tela’ għal 33,668. Dan meta, fl-aħħar tmint ijiem, irriżultaw b’kollox 1,599 każ.

Ta’ tħassib il-fatt li fl-aħħar sigħat żdiedu bi 15 – għal 34 – il-persuni li qed jingħataw il-kura fl-Isptar Mater Dei. Fosthom, persuna qed tingħata l-kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Madankollu, il-Ministeru tas-Saħħa ma ta l-ebda informazzjoni dwar l-etajiet ta’ dawn jew jekk kienux imlaqqmin.

Min-naħa l-oħra, fortunatament, fl-aħħar sigħat fiequ 109 persuna minn dan il-virus, filwaqt li sas-Sibt, ingħataw aktar minn 740,000 doża tal-vaċċin, bi ftit anqas minn 370,000 persuna issa huma kompletament imlaqqmin. Kien spjegat ukoll li l-età medja tal-persuni li rriżultaw pożittiv fl-aħħar sigħat hi 31.

L-għadd ta’ mwiet kawża tal-pandemija f’pajjiżna baqa’ 421, hekk kif fortunatament, ħadd ma tilef ħajtu fl-aħħar sigħat. L-aħħar vittma kienet il-mara ta’ 73 sena li tħabbret fl-aġġornament li l-Ministeru għamel is-Sibt.