Internazzjonali

Covid-19: Kundanna bla riservi għad-dimostranti fl-Awstralja li pprotestaw kontra r-restrizzjonijiet

Il-politiċi fl-Awstralja ikkundannaw lin-nies li ħarġu jipprotestaw kontra r-restrizzjonijiet għall-coronaviru,s meta l-każi tal-varjant tal-Covid-19 komplew jiżdiedu fil-pajjiż.

Fl-aħħar tal-ġimgħa, eluf ta’ nies immarċjaw mill-belt ta’ Sydney biex jinsistu għat-tmiem tal-miżuri tal-lockdown waqt li saru wkoll dimostrazzjonijiet simili – għalkemm fuq skala anqas –fl-ibliet ta’ Melbourne u Brisbane.

Sadanittant, għexieren ta’ dimostranti f’Sydney spiċċaw immultati u akkużati b’reati kontra l-bwon ordni.

Fl-istess ħin, il-Prim Ministru tal-Istat ta’ New South Wales, Gladys Berejiklian, sostniet li d-dimostranti ‘imisshom jagħmlu eżami tal-kuxjenza’ waqt li juru rispett lejn iċ-ċittadini sħabhom. Dan meta miljuni ta’ residenti ta’ New South Wales qegħdin jobdu r-regoli li kienu implimentati fl-aħjar interessi tas-saħħa.

L-awtoritajiet fi New South Wales illum irreġistraw 141 każ ġdid tal-virus, bl-ammont jirrifletti t-tieni l-ogħla żieda ta’ każi għal perjodu ta’ 24 siegħa  mill-bidu tas-sena.

Dan meta l-awtoritajiet fi New South Wales mistennija jżidu l-lockdown attwali li suppost li jintemm fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Mat-13-il miljun Awstraljan irritornaw taħt lockdown wara li l-Gvernijiet tal-Istati Awstraljani, fl-aħħar ġimgħat, reġgħu imponew ir-restrizzjonijiet biex jikkumbattu l-varjant ‘Delta’ li qed jixpruna l-infezzjonijiet madwar il-pajjiż.

Intant, madwar 14 fil-mija biss tal-poplu Awstraljan laħaq ħa l-vaċċin sħiħ u l-Prim Ministru tal-Awstralja Scott Morrison – li qed ikun ikkritikat dwar in-nuqqasijiet fil-programm tat-tilqim nazzjonali – wiegħed li se jingħataw ‘aktar dożi lill-awtoritajiet fi New South Wales.’

Madankollu, Morrison qal ukoll li l-Gvern tiegħu ‘ma jistax iħarbat’ ir-rollout nazzjonali tal-vaċċin u fejn insista li l-lockdown fi New South Wales jista’ jintemm biss ladarba jibdew neżlin il-każi tal-virus. Fl-istess ħin, il-PM Awstraljan fisser lid-dimostranti li ħarġu jipprotestaw dwar ir-restrizzjonijiet bħala ‘egoisti’ u ‘periklu għal ħaddieħor’, waqt li spjega li dan l-aġir kapaċi jwassal għal estensjonijiet akbar tal-lockdown.

Fi tmiem il-ġimgħa wkoll, madwar 160,000 dimostrant niżlu fit-toroq ta’ Pariġi, il-kapitali ta’ Franza, biex jipprotestaaw kontra l-miżuri intiżi għall-kontroll tal-firxa tal-Covid-19. 

Il-protesti wasslu biex il-pulizija tuża l-gass tad-dmugħ u kanuni tal-ilma fuq id-dimostranti li kienu qed jipprotestaw dwar il-green pass li introduċa l-President Franċiż Emmanuel Macron u li se jaffettwa sew il-ħajja tal-persuni li għażlu li ma jitlaqqmux kontra l-Covid-19. Ħafna mid-dimostranti, fl-aħħar sigħat, saħqu li jridu l-libertà, b’oħrajn iqabblu lil Macron ma’ ‘dittatur li jrid jorbot lil poplu tiegħu bil-ktajjen.’

Iċ-ċertifikat tal-green pass li se jkun introdott fil-bidu tax-xahar id-dieħel fi Franza jobbliga kulmin jixtieq li jattendi għal xi attività fil-magħluq jew imur jiekol f’ristorant biex jipproduċi dokumentazzjoni li tikkonferma li hu jew hi ikunu ħadu t-tilqima kontra l-Covid.

Sadanittant, eluf ta’ dimostranti ħarġu wkoll jipprotestaw fir-Renju Unit u l-Italja, fost l-għajjat ‘kontra l-liġijiet li qegħdin inaqqrulhom il-libertà mingħajr validazzjoni xierqa’.