Lokali

“Flimkien nibnu Malta li tixraqilna” – Mark Anthony Sammut

Il-Partit Nazzjonalista huwa l-pont li jgħaqqadna biex flimkien nibnu lil Malta li tixirqilna.

Sostna dan Mark Anthony Sammut, il-President il-ġdid tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista f’intervista li saritlu mill-ġurnal il-mument, fejn matulha huwa appella lil dawk kollha ta’ rieda tajba sabiex jilqgħu l-istedina tal-Partit Nazzjonalista li fetaħ il-bibien beraħ sabiex isir gvern alternattiv bil-għan li pajjiżna jikseb lura s-serjetà, kredibbiltà u r-reputazzjoni tajba li tixraqla.

Tliet elementi li sfortunatament il-Gvern Laburista tilef għad-detriment tal-poplu Malti u Għawdxi.

Huwa saħaq li bosta jinsabu mdejqa bil-mod kif il-Gvern preżenti qed jimxi f’dak li għandu x’jaqsam fost oħrajn fl-ambjent, fl-arti, fl-edukazzjoni u fl-infrastruttura u insista li huwa jemmen bi sħiħ li dawk kollha li huma mxebbgħa bl-arroganza u l-kilba sfaċċata għal poter, mill-korruzzjoni u l-abbuż ta’ dan il-Gvern…għandhom jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista, Partit li jinsab kommess sabiex isemmgħa l-leħen ta’ dawk li jinsabu mweġġgħa jew urtati bl-operat ta’ dan il-Gvern.

Mark Anthony saħaq li l-Partit Nazzjonalista għaddej minn proċess serju ta’ tiġdid – proċess ta’ riġenerazzjoni li jgħaqqad l-esperjenza mal-entużjażmu taż-żgħożija – proċess xprunat ‘il quddiem mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sabiex il-ġenerazzjoni ġdida tal-partit tkun lesta li tmexxi ‘l quddiem lil dan il-pajjiż.

Huwa insista li dawk kollha li jemmnu li pajjiżna jixraqlu Gvern li jista’ jikteb paġna ġdida għal pajjiżna, biex isewwi r-reputazzjoni ta’ Malta għandu jimxi spalla ma’ spalla mal-Partit Nazzjonalista – id-dar naturali tal- Maltin u l-Għawdxin.

Filwaqt li rrikonoxxa li l-Partit Nazzjonalista għadda minn żmien diffiċli huwa insista li illum huwa aktar magħqud u insista li għandna ninsew id-differenzi ta’ bejnietna iżda nħarsu b’serjetà lejn dak li jgħaqqadna  biex nagħtu futur aħjar lil pajjiżna – għaliex dan huwa l-partit li kiseb suċċessi kbar għal pajjiżna u li għad għandu x’joffri.

Intant Mark Anthony Sammut faħħar lil voluntieri u insista li l-pilastri tal-Partit Nazzjonalista huma mibnija fuqhom.

Huwa insista li l-Partit Nazzjonalista għandu ħafna nies ta’ talent li qed jingħaqdu miegħu għaliex jirrikonoxxu li hu l-uniku alternattiva għal bidla li dan il-pajjiż tant għandu bżonn. Mark Anthony Sammut  tenna wkoll li dan huwa partit li jisma, partit b’viżjoni ċara għal ġejjieni ta’ uliedna u tal-familji Maltin u Għawdxin.