Lokali

“Għall-PN l-anzjani dejjem kienu u jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika tiegħu” – PN

Fl-okkażjoni tal-jum iddedikat lill-anzjani l-Partit Nazzjonalista jsellem u jġedded l-impenn tiegħu b’aktar ħidma fejjieda favurhom b’rikonoxximent tal-ħidma li taw matul ħajjithom li wasslet biex pajjiżna jilħaq livell għoli ta’ għixien u kwalitá ta’ ħajja ta’ livell Ewropew.

Qalet dan Maria Deguara, il-Kelliema għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn kompliet li s-sena li għaddiet kienet sena diffiċli għalina lkoll bħala poplu. L-anzjani kienu fost dawk li l- aktar li batew kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Numru kbir minnhom sfaw maqfula fi djarhom jew ġewwa r-residenzi, mċaħħda minn qrabathom u minn dawk l-aktar għeżież għalihom. Sfortunatament il-parti l-kbira ta’ dawk fostna li tilfu ħajjithom kaġun tal-pandemija kienu anzjani.

Minkejja dan kollu, dawn ix-xhur kienu propju l-perjodu li ħareġ l-aħjar kwalitajiet tal-anzjani tagħna, kwalitajiet li sawruna bħala nazzjon. Kwalitajiet bħal perseveranza, determinazzjoni u reżiljienza kontra avversarju, l-COVID-19 li ħadd ma kien ippreparat għalih.

Għall-Partit Nazzjonalista l-anzjani dejjem kienu u jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Partit Nazzjonalista fil-gvern dejjem ħaddan twemmin fejn l-anzjani għandhom jibqgħu jgħixu fil- komunitá u nissel numru ta’ miżuri biex dan seta’ jseħħ, fosthom pensjonijiet adegwati, servizzi fil-komunitá u residenzi tal-ogħla kwalitá.

Partit Nazzjonalista fil-gvern wegħdhom li lest li jismagħhom, ikun l-vuċi tagħhom u determinat li bħal ma’ għamel qabel jibqa’ jwelled miżuri u inizjattivi biex jiżgura l-ogħla kwalitá ta’ għejxien għall-anzjani kollha.