Internazzjonali

Il-Belġju devastat b’aktar għargħar

Għat-tieni darba f’temp ta’ ftit jiem il-Belġju reġa’ ntlaqat minn għargħar qawwija…bil-provinċji ta’ Namru u Walloon Brabant   fix-Xlokk ta’ Brussell, kienu fost l-agħar li ntlaqtlu.

Dan wara li tul il-jum tas-Sibt xita qliel laqtet lil pajjiż – b’filmati ppublikati online juru vetturi jinġarru kompletament mill-ilmijiet fir-reġjun ta’ Walloon.

Kelliema għall-Awtoritajiet saħqu li s’issa ma ġew irrapportati ebda mwiet madanakollu kkonferma li l-għargħar kienu ferm agħar minn dawk tal-ġimgħa li għaddiet.

Bosta residenti saħqu li ilhom jgħixu f’dawn il-villaġġi għomorhom madanakollu qatt ma raw xeni bħal dawn quddiem għajnejhom….bil-ħsarat jilħqu l-miljuni tal-ewro.

Aktar minn 210 persuni tilfu ħajjithom fil-maltempati li laqtu l-Ewropa Ċentrali fil-jiem li għaddew bl-esperti jisħqu li dan huwa sforz it-tibdil fil-klima.