Il-Partit Nazzjonalista jrid jagħmel dak kollu meħtieġ biex isem pajjiżna jerġa’ jingħata l-glorja li tixraqlu għax jemmen fil-poplu tagħna.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervent telefoniku fuq NET FM. Dan b’kuntrast għall-Prim Ministru Robert Abela li diġà jidher li qata’ qalbu meta qal li għandna sena u nofs biex noħorġu mill-greylist tal-FATF.
Bernard Grech qal li, għall-kuntrarju, Gvern ġdid Nazzjonalista jirnexxielu jitfa’ lil pajjiżna fuq il-whitelist fi tliet xhur għax il-Partit Nazzjonalista għandu relazzjoni tajba mal-entitajiet internazzjonali u Ewropej.
Tenna hu inkwetanti kif issa anke r-Renju Unit ta ċertifikat ta’ sfiduċja lil pajiżna meta beda jqisu bħala high risk rigward il-ħasil tal-flus.
Spjega kif ċertifikati bħal dawn se jkunu qed jolqtu lil kull wieħed u waħda minna b’aktar burokrazija u mistoqsijiet meta wieħed jipprova jinvesti flusu stess. U dan għax il-Gvern Laburista tappan lil Malta b’timbru ta’ dubju.
Dwar il-pandemija tal-Covid-19, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li r-responsabbiltà għal dak li qed jiġri f’pajjiżna hi kollha kemm hi tal-Prim Ministru. Għax għalkemm inbidel il-Ministru tat-Turiżmu, anke din is-sena rajna li saru l-istess żbalji.
Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-proċess ta’ tiġdid li għaddej minnu kontinwament il-Partit Nazzjonalista. Hu qal li t-tiġdid mhux biss qed isir fil-persuni, iżda wkoll fil-mod kif issir il-politika.
Hu għalhekk li flimkien ma’ nies bħal Chris Peregin u Peter Agius – li għażlu li joħorġu fil-beraħ u jxammru l-kmiem – mijiet ta’ persuni qed jgħinu wkoll minn wara l-kwinti għax għażlu li jridu jgħinu lil pajjiżna.
Mistoqsi minn Gabriel Micallef, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar ukoll l-impenn tal-atleti Maltin li bħalissa qed jipparteċipaw fil-Logħob Olimpiku. Hu fakkar kemm hu sabiħ tara lill-atleti Maltin kburin iġorru l-Bandiera Maltija. Bl-istess mod qal li anke aħna, għandna nkunu kburin b’pajjiżna.
U hekk kif illum qed ikun iċċelebrat għall-ewwel darba l-Jum Internazzjonali għan-Nanniet u l-Anzjani, Bernard Grech sellem lil dawk li meta kienu iżgħar ħadmu biex illum nistgħu ngawdu s-sbuħija li joffri pajjiżna.
//= $special ?>