Lokali

Illum qed ikun iċċelebrat l-ewwel Jum Dinji għall-anzjani u n-nanniet

Jum wara l-ieħor, ħafna jiffukaw fuq il-ġenerazzjonijiet futuri u jinsew li l-anzjani għandhom ferm x’jgħallmuna… u kien għalhekk li l-Papa Franġisku ddedika r-raba’ Ħadd ta’ Lulju għall-anzjani u n-nanniet kollha ta’ madwar id-dinja.

Għal din l-ewwel ċelebrazzjoni ta’ dan il-jum, il-Papa Franġisku għażel il-messaġġ “Jien magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” … l-istess wegħda li Ġesù Kristu kien għamel lid-dixxipli tiegħu qabel ma tela’ s-sema.

Lura fl-2013, meta kien sar il-Kap tal-Knisja Kattolika, Franġisku nnifsu kien qal li kull Kristjan għandu jipproteġi lill-anzjani … bħalma dejjem għamel hu stess: ħidma ma taqta’ xejn favur l-anzjani.

Kien b’dan il-ħsieb li nibtitlu x-xewqa ta’ jum iddedikat għall-anzjani u n-nanniet, bil-Papa jgħid li dan għandu jservi ta’ opportunità biex wieħed japprezza aħjar minn xhiex għaddew l-anzjani tagħna, fosthom iż-żmien diffiċli tal-gwerra, biex il-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom setgħu jitgħallmu u japprezzaw il-valur tal-paċi.

Personalment, hu jsellem ukoll lin-nanna tiegħu stess – in-Nanna Rosa – li jgħid li kienet dik il-persuna li ressqitu eqreb ta’ Alla bit-talb u l-fidi. Kull sena, dan il-jum se jkun qed jiġi ċċelebrat fl-eqreb Ħadd għall-Festa ta’ San Ġwakkin u Sant’Anna, li kienu propju n-nanniet ta’ Ġesù.